Kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru anke fi żmien il-Milied
L-avvenimenti u l-okkażjonijiet soċjali li jġib miegħu l-Milied huma assoċċjati ma’ żmien ta’ ferħ, għaqda u ċelebrazzjonijiet. Biss għal uħud, dawn il-jiem ta’ festi jkomplu jżidu ħsus ta’ tensjoni u biża’ f’ambjent li ħafna drabi jkun diġà mifni bil-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
F’relazzjonijiet u f’familji fejn diġà jirrenja l-abbuż, il-pressjonijiet soċjali u anke dawk finanzjarji marbuta mal-festi tal-Milied jistgħu jkunu fatturi li jżidu r-riskju u l-periklu li l-vjolenza teskala. L-ispejjeż li jġib miegħu l-Milied ikomplu jtaqqlu l-imħuħ ta’ individwi li jinsabu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji u għalhekk, fejn diġà hemm il-preżenza tal-abbuż, it-tensjoni u l-istress minħabba l-flus kapaċi jirriżultaw f’abbuż fiżiku, psikoloġiku, sesswali jew ekonomiku.
Element ieħor li jaffettwa ħajjet dawk li jinsabu għaddejjin minn esperjenzi abbużivi huwa l-iżolament. Ħafna drabi, l-aggressuri tal-vjolenza domestika jiżguraw li l-persuna tibqa’ fir-relazzjoni billi jaqtgħuha miċ-ċirku soċjali tagħha u minn dawk għeżież għaliha. Fil-jiem tal-Milied, dan is-sens ta’ iżolament ikompli jikber hekk kif dawk ta’ madwarhom ikunu mħabbtin biċ-ċelebrazzjonijiet mal-familji tagħhom filwaqt li huma jkollhom iqattgħu iżjed ħin weħidhom mal-aggressur. Barra minn hekk l-enfasi li tingħata b’mod ġenerali dwar l-għaqda tal-familja matul iż-żmien tal-Milied tkompli wkoll iddgħajjef ir-rieda tal-vittmi sabiex itemmu r-relazzjoni abbużiva għaliex ma jkunux jixtiequ jitilqu lill-aggressur fi żmien il-Milied minħabba l-biża’ u l-istigma assoċċjata ma’ familji separati u mal-abbuż innifsu.
Apparti minn hekk, il-konsum tal-alkoħol b’mod eċċessiv ikompli jżid ir-riskju li l-vjolenza teskala b’mod allarmanti mhux biss f’relazzjonijiet intimi fejn diġà hemm l-abbuż iżda wkoll fil-komunità b’mod ġenerali. Dawn il-jiem ta’ festi u l-attivitajiet li jġib miegħu saru sinonimi ma’ avvenimenti u festini fejn l-alkoħol jiġi kkunsmat b’mod eċċessiv. Għalkemm ħafna drabi, l-alkoħol jintuża bħala skuża għal aġir mhux floku, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li jekk il-persuna li qiegħda magħha tinsab taħt l-influwenza tal-alkoħol, il-kunsens tal-persuna ma jkunx wieħed validu u għalhekk, kull avvanz jew attività sesswali li jsir fuq persuna li tkun qiegħda taħt l-effett tax-xorb ikunu reat abbużiv u illegali. Iktar informazzjoni dwar il-kunsens tinsab fil-fuljetti li ser jiġu mqassma fid-djar Maltin u Għawdxin mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika f’kontinwità mal-kampanja dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, ‘Nieqfu Flimkien. Flimkien Infiqu.’.
F’dawn il-jiem ta’ festi tajjeb li nqisu s-sigurtà u l-kunsens bħala prijorità. Jekk inkunu iżjed viġilanti u nagħtu s-sapport tagħna mingħajr preġudizzji nkunu qed ngħinu u nuru solidarjetà ma’ dawk li għalihom il-jiem tal-Milied ifissru jiem ta’ biża’, ansjetà u periklu.
Jekk inti jew xi ħadd li taf għaddejjin mill-vjolenza domestika jew mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru, agħmel kuntatt mas-servizzi professjonali li joffru appoġġ soċjali, legali u psikoloġiku mingħajr ħlas anke waqt il-jiem tal-Milied hawn. F’każijiet ta’ emerġenza ċempel 112 għal għajnuna immedjata.