Mal-120,000 persuna esperjenzaw l-atmosfera maġika ta’ Christmas in the Park fl-2024

 Mal-120,000 persuna esperjenzaw l-atmosfera maġika ta’ Christmas in the Park fl-2024

Eluf u eluf ta’ viżitaturi, madwar 120,000 persuna, attendew għall-avveniment maġiku magħruf bħala Christmas in the Park ta’ din is-sena.

Waqt dan l-avveniment, kull minn attenda seta’ jgawdi l-atmosfera tal-Milied, filwaqt li jitgħallem dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà b’mod interattiv u divertenti. Din l-attività kienet organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija flimkien ma’ diversi entitajiet fi ħdan l-istess ministeru.

L-attrazzjoni prinċipali tal-attività kienet il-passaġġ mdawwal, fejn il-viżitaturi setgħu jesploraw u jisimgħu informazzjoni dwar ħlejqiet fil-periklu ta’ estinzjoni b’mod immersiv u interattiv. Kien hemm ukoll żona fil-park li nbidlet f’Enchanted Forest. Fiha kien hemm diversi effetti ta’ dawl għall-familji biex igawdu l-atmosfera hekk kif jgħaddu minn dawn l-inħawi. Il-viżitaturi kellhom ukoll l-opportunità li jagħmlu krafts sostenibbli, jesploraw serra u labirint, filwaqt li jipparteċipaw f’logħob edukattiv ieħor.

L-avveniment ta’ din is-sena reġa’ ttella bil-Park Nazzjonali tas-Salini bejn it-8 u t-22 ta’ Diċembru. Dan kien jinkludi fih anke attrazzjonijiet festivi bħax-xena tan-Natività u l-Grotta ta’ Santa Klaws, kif ukoll diversi prestazzjonijiet minn artisti lokali, baned u korijiet tat-tfal.

Il-viżitaturi kellhom ukoll l-opportunità li jitgħallmu aktar dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà permezz ta’ attivitajiet interattivi u stands ta’ informazzjoni mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, Saving Our Blue, Ambjent Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Circular Economy Malta, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Project Green, Wasteserv u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. L-uffiċjali mill-kampanja Saving Our Blue kienu preżenti bil-mobile unit, fejn il-viżitaturi kellhom l-opportunità li jesperjenzaw ir-realtà virtwali u jżuru żoni marittimi protetti bħal Filfla u l-fdalijiet tat-Tieqa tad-Dwejra.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Aħna se nkomplu noħolqu u nżommu spazji ħodor ta’ kwalità li jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Attivitajiet bħal Christmas in the Park huma importanti peress li jlaqqgħu lin-nies flimkien biex iqattgħu ħin ta’ kwalità mal-familja tagħhom, filwaqt li jitgħallmu wkoll dwar is-sostenibbiltà”.

Għal aktar tagħrif dwar il-parks u l-ġonna f’Malta u Għawdex u l-attivitajiet li jsiru fihom, segwi l-paġni soċjali ta’ Sostenibilità.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com