Ser jaħdmu l-għamara għall-appartamenti ta’ Puttinu f’Londra

 Ser jaħdmu l-għamara għall-appartamenti ta’ Puttinu f’Londra

Residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin se jaħdmu l-għamara għal 29 appartament ta’ Puttinu Cares f’Londra. Dawn l-appartamenti joffru l-kenn għall-pazjenti u l-familji tagħhom fl-aktar mument tal-bżonn u r-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jingħaqdu ma’ tant Maltin li taw il-kontribut tagħhom biex din il-ħolma ssir realtà.

 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fisser dan il-proġett bħala wieħed li jżewweġ żewġ għanijiet mill-iktar sbieħ. Il-ħtieġa li noffru wens lil min ikun għaddej minn mument diffiċli, u r-riabilitazzjoni ta’ persuni li naqsu lis-soċjetà iżda llum huma determinati li jagħtu xi ħaġa lura. Il-Ministru Camilleri fisser kif fl-aħħar snin il-Gvern iffoka ħafna fuq ir-riabilitazzjoni tar-residenti tal-faċilità korrettiva, mhux biss permezz ta’ diversi professjonisti li llum huma impjegati mal-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi, iżda wkoll bi ftehimiet ma’ għaqdiet mhux governattivi, liema koperazzjoni se twassal għall-ftuħ tat-tielet half-way house li se tkun l-ewwel waħda għall-persuni femminili. Ix-xogħol huwa wkoll parti mir-riabilitazzjoni u għalhekk dan il-proġett ma’ Puttinu huwa wieħed li se jiswa ta’ ġid anke għar-residenti tal-Faċilità Korrettiva.

“Dan hu proġett tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għaliex Puttinu jinsab f’qalb il-poplu kollu u għalhekk il-poplu appoġġa din il-ħolma bid-donazzjonijiet tiegħu. Dan hu proġett li joffri tama kbira. It-tama lil min jitla’ għall-kura iżda llum qed naraw ukoll it-tama lil min irid joħroġ fis-soċjetà u jgħid jien fhimt, tgħallimt u issa lest biex nikkontribwixxi iktar,” qal il-Ministru Camilleri. Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, Chris Siegersma, qal li l-involviment tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi f’dan il-proġett tirrifletti mhux biss id-dedikazzjoni tal-Aġenzija għal kawżi soċjali, iżda anke l-impatt li ser tħalli fuq il-ħajja ta’ dawk li huma fil-bżonn. Dan filwaqt li permezz tiegħu l-Aġenzija ser tkun qiegħda toffri ċ-ċans lil persuni fil-ħabs ikompli jirriabilitaw ruħhom, bil-għan li jmorru lura fis-soċjetà preparati u anke b’sens akbar ta’ responsabbiltà.

Il-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri, tenniet li dan il-proġett għandu jonora lill-pajjiż, fejn anke l-barranin jistagħġbu bl-għaqal tal-poplu Malti. L-iskop ta’ dawn l-appartamenti dejjem jibqa’ li l-pazjenti u l-qraba tagħhom jiffokaw fuq it-trattament u l-fejqan, filwaqt li Puttinu jerfa’ biċċa mill-piż tat-tbatija tagħhom billi joffrilhom serħan il-moħħ li se jsibu appartament dinjituż jistenniehom bla ma jħallsu xejn. Sostniet li dawn il-priġunieri, bit-talenti tagħhom, se jkunu qed jagħtu lura lis-soċjetà u jtaffu t-tbatija ta’ ħafna pazjenti u familji li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli.

F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, irrappreżentat lill-familji li ser ikunu qegħdin jingħataw l-għajnuna permezz ta’ dan il-proġett Josefa Sammut, omm ta’ żewġt itfal li minħabba kundizzjoni rari kellha tirċievi kura l-Ingilterra, kull sitt ġimgħat għal għaxar snin. Hi spjegat id-differenza kbira li dan il-proġett se jkun qiegħed jagħmel f’ħajjitha u tal-familja tagħha hekk kif din il-binja ser tkun viċin l-isptarijiet. Irringrazzjat u esprimiet is-sens ta’ apprezzament tagħha għall-ħidma li ser iwettqu l-priġunieri biex dawn l-appartamenti jibdew jilqgħu l-familji.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com