Il-Ġermanja U Franza Se Jiddeċiedu Dwar Lockdown

 Il-Ġermanja U Franza Se Jiddeċiedu Dwar Lockdown

Fis-sigħat li ġejjin, il-Ġermanja u Franza mistennija jieħdu deċiżjoni dwar lockdown. Fil-Ġermanja qed jingħad li l-lockdown li mistenni jsir f’Novembru se jkun “ħafif” waqt li Franza qed tippjana lockdown ta’ erba’ ġimgħat iżda mistenni jkun inqas aħrax minn dak li sar fir-rebbiegħa li għaddiet.

Il-Kanċillier Angela Merkel mistenni tiddeċiedi mal-mexxejja tal-pajjiż jekk tagħlaqx il-bars, ċentri ta’ divertiment u lukandi biex twaqqaf iż-żieda fl-infezzjonijiet.

Il-President Franċiż Emanuel Macon mistenni jħabbar id-dettalji tal-miżuri fis-sigħat li ġejjin.

Il-każijiet ta’ infezzjonijiet mill-Covid fl-Ewropa qabżu dawk reġistrati fil-bidu tal-pandemija. Dan minkejja li t-testing li qed isir huwa ħafna aktar estensiv.

Bosta pajjiżi ħadu d-deċiżjoni wkoll li jagħmlu curfew matul il-lejl.

Madankollu, ministru Franċiż ilmenta li l-curfews li qed jaffettwaw madwar 46 miljun ruħ naqsu milli jwaqqfu l-interazzjonijiet soċjali.

Il-Gvern Ġermaniż jinsab lest li jħalli lill-familji u l-ħbieb jiltaqgħu għal Milied, iżda l-infezzjonijiet qegħdin jiżdiedu ta’ kuljum u laħqu rekord ta’ 14,964 u 85 mewt f’ġurnata.

Il-ġimgħa l-oħra, l-Irlanda imponiet ukoll bosta miżuri bil-għan li terġa’ tiftaħ għall-Milied. Fl-Itlaja ngħalqu s-swali taċ-ċinema u l-gyms f’attentat ieħor biex isalvaw il-Milied. Issa l-Gvern Ingliż jinsab ukoll taħt pressjoni biex jaġixxi.

It-Tlieta li għadda Franza rreġistrat 523 mewt fosthom 235 mewt fi djar tal-anzjani.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com