Twaqqaf Sezzjoni Dwar L-Industrija Tal-Kannabis Mediċinali F’Malta
Il-Kamra tal-Kummerċ waqqfet sezzjoni ġdida ddedikata għall-industrija tal-Kannabis Mediċinali li fl-aħħar sentejn rat bosta kumpaniji internazzjonali jistabbilixxu ruħhom f’Malta bis-saħħa ta’ qafas leġislattiv li jirregola dan is-settur.
Fi stqarrija, il-Kamra qalet li permezz ta’ din is-sezzjoni, qed tkun proattiva biex tirrappreżenta settur ekonomiku ġdid.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb qal li hekk kif seħħ fil-passat b’setturi ekonomiċi oħra, il-kamra se tkun qed tappoġġja l-operaturi f’dan il-qasam ġdid li qegħdin jitwaqqfu fl-isfond ta’ qafas leġislattiv li qed jiżviluppa kif ukoll it-twaqqif ta’ eko-sistema korretta li tħares it-tkabbir sostenibbli ta’ dan is-settur.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Eżekuttiv il-Ġdid Robert Spiteri esprima l-entużjażmu tiegħu biex il-komunità tan-negozju f’din l-industrija ġdida tingħata l-appoġġ meħtieġ permezz tal-Kamra tal-Kummerċ.
“Irridu nkomplu dak li bdejna b’suċċess u nżommu ambjent li huwa xieraq għan-negozju u b’hekk nassiguraw li Malta tidher bħala pajjiż ta’ reputazzjoni u ġurisdizzjoni kompetittiva madwar id-dinja”, qal Spiteri. Żied li ninsab f’qagħda li nsaħħu dan is-settur lokalment u nassiguraw li din l-industrija tkun tista’ tkompli tikber b’rata mgħaġġla fil-qafas ta’ parametri xierqa.
Huwa żied jgħid li din hija l-ewwel darba li din l-industrija qed titwaqqaf f’Malta u għalhekk huwa essenzjali li nħarsu u niżviluppaw is-settur b’mod strateġiku b’viżjoni li niġbdu lejn pajjiżna aktar investiment dirett barrani