It-Tfal Kif Jintlaqtu Mis-Separazzjonijiet? It-Tieni Parti

 It-Tfal Kif Jintlaqtu Mis-Separazzjonijiet? It-Tieni Parti

Il-ġimgħa l-oħra tellgħajt artiklu dwar kif it-tfal jintlaqtu mis-separazzjonijiet, fejn evalwajna il-ħsibijiet u xi jħossu it-tfal li l-ġenituri tagħhom ma jibqgħux f’relazzjoni flimkien.

F’din il-parti ser naraw minn xhiex jgħaddu l-missirijiet, u konsegwenza ta’ dan, kif jintlaqtu t-tfal.

Tkellimt ma’ għadd ta’ missirijiet li m’għadhomx ma’ omm it-tfal tagħhom sabiex nevalwa eżatt l-emozzjonijiet li jkunu għaddejjin minnhom. Kien hemm missirijiet fejn għalkemm ir-relazzjoni ta’ bejn il-ġenituri spiċċat, żammew relazzjoni ta’ rispett bejniethom, speċjalment għal ġid ta’ uliedhom. Kien hemm missirijiet li r-relazzjoni mal-omm spiċċat ħażin, u hemm piki u qrati mdaħħlin fin-nofs.

Ovvjament, meta l-ġenituri jkun ftehim u armonija tajba bejniethom, it-tfal ser ikunu aktar kuntenti. Però t-tfal xorta jħossu dik l-ansjetà li qiegħdin ‘maqsumin’ bejn żewġt idjar. It-tfal iħossuhom konfużi, u speċjalment jekk ikunu żgħar fl-età, isaqsu ħafna drabi ‘illum ma’ min ser norqod’ u ‘min ġej għalija l-iskola?’ It-tfal importanti li jżommu rutina u tiġi mill-ġenituri li jżommu l-ġranet u l-ħinijiet li jkunu allokati għat-tfal, skont il-ftehim bejniethom. Xi missirijiet esprimew li meta r-rutina ma tinżammx b’mod regolari, jaffettwa l-imġieba tat-tfal, ikunu iktar mqarbin u jfittxu aktar wens u fsied, u f’xi każi jkunu jridu anki jorqdu fl-istess sodda magħhom.

Il-problema tal-imġieba tat-tfal tiggrava meta ma jkunx hemm ftehim bejn il-ġenituri, u b’hekk tidħol il-pika bejniethom. Irridu niftakru li t-tfal huma intelliġenti u jafu josservaw, u jindunaw li dik il-pika bejn il-ġenituri hija minħabba fihom. It-tfal idawwru lill-ġenituri fuq subgħajhom, kif jgħid il-Malti, u jieħdu li jridu. B’hekk ikun hemm ċans kbir li jitilgħu mfissdin u suppervi. Punt komuni bejn il-missirijiet li tkellimt magħhom hu, li jekk ikollhom aċċess għal uliedhom għal ftit siegħat fil-ġimgħa, iħossuhom skomdi jgħidu ‘le’ lil uliedhom jew jiddixxiplinawhom.

Il-kwistjoni tal-manteniment hu suġġett delikat ħafna għall-missirijiet. Kif inhi l-liġi bħalissa, ħafna drabi t-tfal tieħu l-kustodja tagħhom l-omm, u l-missier irid jagħti manteniment għal uliedu. Dawn il-flus jingħataw sabiex jinxtraw l-bżonnijiet għat-tfal u huma suppost in-nofs tal-missier, f’dan il-każ.

Però, l-ammonti li jinqatgħu huma realistiċi?

Kien hemm qbil unanimu mill-missirijiet li mhux talli ma humiex, talli l-ommijiet ħafna drabi meta jixtru xi ħaġa għat-tfal xorta jitolbu li l-ispiża tinqasam bejniethom. Din il-kwistjoni tikser qalb ħafna missirijiet, speċjalment meta it-tfal ikunu magħhom u jitolbuhom xi ħaġa, u l-missier ikollu jgħid ‘le’ għaliex dak f’idejn min jirċievi l-manteniment, u din il-ħaġa titfa’ lill-missier f’dawl ikrah. Hemm ħafna każi ukoll fejn l-omm ikollha impjieg tajjeb, u t-tfal jinqasmu bejn l-omm u l-missier ugwalment, allura l-manteniment huwa żejjed, għaliex it-tfal huma taħt il-kustodja taż-żewġ genituri.

Ħafna missirijiet isibu l-wens f’xulxin permezz tal-paġna ta’ Facebook ‘Flimkien Missirijiet Inqumu’. Din ġiet maħluqa biex tgħaqqad lil dawn il-missirijiet u jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom. Dan il-grupp joħloq ukoll attivitajiet minn żmien għal żmien, bl-aħħar attività ttellgħet fil-5 ta’ Novembru.

Fost il-ħafna punti li ħarġu minn dawn l-intervisti, l-iktar punt importanti kien li t-tfal għandhom bżonn liż-żewġ ġenituri u li kemm jista’ jkun tonqos il-pika u jimxu fl-aħjar interess u skont il-bżonnijiet tat-tfal.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com