Dwarna


2019 - Kif bdiet Strada Rjali?
Strada Rjali – Fejn kulħadd jgħid tiegħu. Dan kien l-islogan li nħoloq meta tnediet din il-paġna fl-2019 u li għadu relevanti sal-lum. Clifford Galea kien ippreżenta l-idea lil Quinton Scerri li min-naħa tiegħu kien ġa ħareġ bl-isem ta’ Strada Rjali, saħansitra anke l-logo li kien jinkludi l-għajn tal-luzzu Malti. Mill-bidu, ingħaqad mad-duo, Clint Bajada u minn dakinhar sal-lum, diġà kważi għaddew sitt snin. It-tnedija tagħha kien nhar il-21 ta’ Settembru tal-2019. Minn dak iż-żmien s’issa, l-interess dejjem kiber, bil-paġna ta’ Facebook li ttella’ ammont sabiħ ta’ segwaċi.
2022 - Kif kompliet Strada Rjali?
Fil-bidu tagħha, stradarjali.com kienet tinkludi ftit minn kollox: politika, kultura, aħbarijiet, temp, stejjer umani, storja ta’ Malta u bla dubju, matul il-pandemija tal-Covid-19, tat aġġornamenti kontinwi dwar is-sitwazzjoni kemm lokali u dik internazzjonali. Strada Rjali kellha wkoll aħbarijiet ta’ interess minn barra minn xtutna.
Fl-2022, il-portal għadda f’idejn Danusan fejn it-tmexxija l-ġdida għamlet tibdil fid-dehra ta’ stradarjali.com u anke fil-kontenut, b’iżjed kollaboraturi li bdew jinkludu diversi filmati (reels) u anke materjal żagħżugħ li jappella għaż-żminijiet tal-lum. Il-kontenut beda jinkludi iżjed umoriżmu u anke tagħrif dwar dak li niltaqgħu miegħu ta’ kuljum saħansita fuq x’nilbsu, fejn nistgħu noħorġu biex niddevertu, avvenimenti għall-familji, u anke informazzjoni dwar saħħitna. Anke biex inżommu ruħna attraenti għall-udjenza tal-lum. L-istorja u l-kultura ma naqsitx. stradarjali.com hija miftuħa għal kulħadd fejn wieħed anke jista’ jirreklama l-prodott tiegħu.
2025 - Strada Rjali illum u għada...
Lejn l-aħħar tal-2024, Matthew Raggio jew ahjar ir-Raggio, ħa f’idejh it-tmexxija ta’ Stradarjali, dejjem taħt isem id-anusan. Matthew, bl-għajnuna ta’ kollegi oħrajn, kabbar sew din il-paġna permezz tal-filmati, fejn bil-komiċità tiegħu u d-dehra ġdida ta’ kif wieħed jew waħda jaraw reklam, iġġenera ammont kbir ta’ segwaċi ġodda. Fl-2025, Stradarjali tinsab taħt tmexxija oħra.
Il-portal issa għadda kompletament taħt it-tmexxija ta’ Daniel Chircop u Matthew Raggio, fejn għal darb’oħra, Stradarjali reġgħet għaddiet minn bidla totali. Stradarjali kisbet dehra ġdida u uċuh ġodda, flimkien ma’ oħrajn familjari fuq il-midja soċjali jew fuq it-televiżjoni lokali. Stradarjali issa saret l-ewwel portal tad-divertiment f’Malta. Insa l-artikli bla sugu bil-għan li inti tagħfas fuqhom, u intefa’ siegħa ssegwi kontenut li verament jinteressak.