Aġġornat Bil-Filmat: Grupp Ta’ Immigranti Jħalli Malta Lejn Franza
Fi stqarrija, il-Minsiteru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li t-trasferiment tal-immigranti seta’ jsir wara li saru l-preparamenti meħtieġa mill-Ministeru, l-Ambaxxata Franċiża f’Malta u l-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM).
Qal li dawn il-preparamenti kienu jinkludu wkoll eżamijiet mediċi sabiex jassiguraw li ħadd mill-immigranti ma huwa pożittiv għall-Covid-19.
Il-ministeru sostna li minkejja l-ostakli li ġabet magħha l-pandemija fejn jidħlu r-rilokazzjonijiet, l-awtoritajiet Maltin qed jaħdmu sabiex mijiet ta’ immigranti oħra jkunu ttrasferiti lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Żied jingħad li r-rilokazzjoni tal-lum qed issir fl-istess waqt li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda fil-proċess li tniedi politika aġġornata dwar l-immigrazzjoni.
Il-Gvern Malti sostna li l-qsim tar-responsabbiltà tal-immigranti huwa parti mis-soluzzjoni sabiex Malta ma terfax il-piż tal-immigrazzjoni waħedha.
Qal li r-rilokazzjoni hija wieħed mill-pilastri tal-istrateġija tal-Gvern fuq l-immigrazzjoni irregolari, flimkien mal-prevenzjoni tal-wasliet u r-ritorn ta’ dawk il-persuni li ma jkunux eleġibbli għal protezzjoni f’pajjiżna.