Alfred Sant Jappella Għal Appoġġ Finanzjarju U Regolatorju Lis-settur kulturali
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew saret bħala espressjoni ta’ solidarjetà ma’ dawk involuti fl-industrija tal-kultura u għandha l-għan li tassenja parti mill-miżuri ta’ rkupru ekonomiku ppjanati mill-istituzzjonijiet Ewropej għall-industriji kulturali u kreattivi.
Dan se jkun ikkombinat ma’ azzjonijiet wiesgħa favur il-forzi kulturali u kreattivi tal-Ewropa, li se jippermettulhom ikomplu l-ħidma tagħhom fix-xhur li ġejjin, ikampaw f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, u joħolqu reżiljenza fis-settur. Alfred Sant qal li forom tal-arti li jiddependu fuq il-preżenza ta’ udjenza, bħat-teatru iżda mhux biss, qed ibatu ħafna. L-ispettakli ġew ikkanċellati, il-bejgħ tal-udjenzi naqas, u l-finanzjament, kemm pubbliku kif ukoll privat, f’ħafna każijiet spiċċa. Din is-sitwazzjoni probabbilment se ddum għal żmien twil.
Alfred Sant wera wkoll l-appoġġ għall-pjan tal-Parlament Ewropew sabiex mill-inqas 2 fil-mija tal Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza imur għall-irkupru ta’ setturi kulturali u kreattivi.
“B’dan il-mod biss artisti, edukaturi, pubblikaturi, awturi, promoturi u aġenti tal-arti jistgħu ikampaw fil-maltemp, u ladarba l-kundizzjonijiet ikunu tajbin, jerġgħu jipprovdu avvenimenti tal-arti u kulturali li joffru devertiment waqt li jagħtu sens lill-ħajja li ngħixu”, tenna Alfred Sant fil-Parlament Ewropew.