Bil-Filmat: Jitlesta L-Bini Ta’ Vjal Santa Luċija
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg ħabbar li tlesta x-xogħol fuq il-bini ta’ Vjal Santa Luċija.
Huwa ħabbar dan waqt żjara li għamel fuq is-sit tal-proġett tal-Underpass u r-Roundabout ta’ Santa Luċija.
Din hija t-triq arterjali li tgħaqqad il-Marsa Jucntion mal-istess underpass u roundabout, u issa nbniet b’disinn aktar sikur u twessgħet biex tinkludi passaġġ pedonali u għaċ-ċiklisti li jifforma parti minn netwerk sikur li jgħaqqad Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Santa Luċija, Ħal Luqa u l-Marsa.
Fi tmiem din il-ġimgħa, il-karreġġjata ta’ Vjal Santa Luċija fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar, li fiha żewġ korsiji, se tinfetaħ, u fil-ġimgħat li ġejjin se tinfetaħ ukoll il-karreġġjata fid-direzzjoni opposta.
Sakemm jitlestew il-mini, din il-konnessjoni se tingħaqad ma’ 4 rampi ġodda li eventwalment se jgħaqqdu Vjal Santa Luċija ma’ Tal-Barrani permezz tar-roundabout li qed tinbena mill-ġdid.
Il-Ministru Borg qal li aktar minn 78% tal-Marsa Junction Project huwa lest u 70% tal-proġett tal-Underpass u r-Roundabout ta’ Santa Luċija huwa lest ukoll.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-proġett tal-underpass ta’ Santa Luċija se jżid is-sigurtà mhux biss għas-sewwieqa tal-karozzi imma wkoll għal ċiklisti, persuni b’diżabilità u anke għal min iħobb il-mixi.
Il-proġett se jkompli jgħin lil Malta biex tilħaq il-miri ambjentali Ewropej permezz tat-tnaqqis fl-emissjonijiet ikkaġunati mit-traffiku li se jgħaddi b’ferm aktar effiċjenza minn dawn l-inħawi.
Ritratt: Doi/ Omar Camilleri