Għaliex Strada Rjali?

 Għaliex Strada Rjali?

Qabel xejn nagħtukom merħba fis-sit tagħna! Flimkien ma’ tim dinamiku li ser ikun qed jintroduċi ruħu f’dawn il-jiem, ser inwasslulkom dan is-sit mil-lum ‘il quddiem.

Strada Rjali huwa sit indipendenti li jwassal Aħbarijiet Kurrenti, Stejjer Esklussivi, Informazzjoni u materjal ieħor ta’ interess ġenerali bl-iskop li jinforma u jqajjem diskussjoni…

Għażilna Strada Rjali bħala isem għaliex hija l-aktar triq popolari f’pajjiżna li tinsab fil-Belt kapitali Maltija Valletta… Fiha seħħew ġrajjiet, għaddew kbarat, saru u jsiru attivitajiet ta’ kuljum… iżda iżjed minn hekk, jgħix fiha l-poplu Malti li jekk mhux ta’ spiss, żgur li xi darba jew oħra għadda minn din it-triq. Fiha jingħaddu l-ġrajjiet tal-lum… u tinstema’ l-vuċi tal-poplu li jitkellem, jixtarr u jiddiskuti…

Illum iġġib l-isem ta’ Triq ir-Repubblika. Fiha ssib minn kollox; ħwienet, djar, knejjes u anke l-qorti Maltija. Fi żmien il-Kavallieri kienet iġġib l-isem ta’ Strada San Giorgio, liema isem tbiddel għal Rue Nationale fi żmien il-ħakma Franċiża. Imbagħad fi żmien l-Ingliżi ssemmiet Strada Reale (Kingsway) sakemm ħadet l-isem li għandha llum.

Ritratt: Strada Reale fis-Snin 30/ Tonio and Karl Farrugia Collection

Għalkemm dan it-tibdil kollu, xorta waħda għadek issib min isejħilha Strada Rjali… Huwa isem li jinsab fuq fomm kulħadd!

Nawguraw li nkunu ta’ utilità għalikom. Kellmuna, irridu nisimgħukom… Dan is-sit huwa tagħkom!

Ritratt: Strada Rjali… illum Triq Ir-Repubblika/ TVM.com.mt

 

Ritratt Prinċipali: Flickr/ Alberto Cabello

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com