Is-Servizz Pubbliku Malti Jerġa’ Fl-Ewwel Post Fl-Ewropa Fl-E-Government

 Is-Servizz Pubbliku Malti Jerġa’ Fl-Ewwel Post Fl-Ewropa Fl-E-Government

Malta reġgħet ġiet ikklassifikat fl-ewwel post minn fost 36 pajjiż għas-servizzi pubbliċi online li tipprovdi.

Is-Servizz Pubbliku Malti kklassifika fl-ewwel post minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Iżlanda, Norveġja, Montenegro, Serbja, Svizzera, Turkija u r-Renju Unit.

Malta kklassifikat fl-ewwel post fil-kriterji kollha li fuqhom huwa bbażat dan l-eżerċizzju msejjaħ e-government benchmarking li jsir kull sena mill-Kummissjoni Ewropea.

Malta ġiet fl-ewwel post fil-kwalità tad-disinn u tas-servizz fih innifsu u l-faċilità li bih jintuża mill-klijenti li jiġu bżonnu. Is-servizzi online Maltin ġabu 99% tal-punti li huwa 12.5 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea

Is-servizz pubbliku ġie l-ewwel ukoll fit-trasparenza addottata fis-servizzi mogħtija. Hawnhekk, Malta hija 33 punti perċentwali ogħla mill-medja fl-Unjoni Ewropea bi 98% tal-punti.

Malta kklassifikat ukoll l-ewwel bi 36 punti perċentwali ogħla mill-medja fl-Unjoni Ewropea għall-aċċessibbiltà tas-servizzi online anki meta ċittadini jkunu ’l bogħod minn pajjiżhom b’87% tal-punti u wkoll 89% tal-punti fejn tidħol aċċessibbiltà lil hinn minn Malta għan-negozji.

Is-Servizz Pubbliku ġab il-100% tal-punti fejn jidħlu l-elementi tekniċi li huma meqjusa importanti għat-twassil tas-servizzi governattivi online. Dan il-persentaġġ jimmarka 39 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li dan huwa sodisfazzjon ieħor għas-servizz pubbliku li f’dawn l-aħħar snin ikklassifika u ħa awards bir-rikonoxximent tagħhom għandu jmur għand l-uffiċjali pubbliċi li fehmu l-messaġġ tat-tiġdid meħtieġ biex il-klijent ikun il-focus prinċipali ta’ kull ħidma li ssir mis-Servizz Pubbliku.

Huwa rringrazzja b’mod partikolari lit-timijiet tekniċi li hemm fil-ministeri, lill-MITA u lil dawk kollha li kellhom sehem fl-iżvilupp u fl-investiment fit-teknoloġija bla preċedent li sar matul dawn l-aħħar snin biex intlaħqu dal-livelli ġodda li qed jilħaq is-Servizz Pubbliku.

Ritratt: servizz.gov

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com