Jixhdu Li Ivan Camilleri Għandu Jagħti Eluf Għal Allegat Serq Mis-Supermarket ValYou

 Jixhdu Li Ivan Camilleri Għandu Jagħti Eluf Għal Allegat Serq Mis-Supermarket ValYou

L-ex ġurnalist ta’ The Times of Malta Ivan Camilleri għandu jagħti eluf ta’ ewro lil sid ta’ supermarket wara sensiela ta’ allegati serqiet mis-supermarket ValYou.

Dan ħareġ f’xhieda li ngħatat fil-qorti mill-editur ta’ The Times Herman Grech u mid-Direttur Maniġerajli ta’ The Times Michel Rizzo. Huma xehdu li għall-ewwel, id-direttur tas-supermarket Ray Mintoff ipprova jnaqqas mill-gravità tar-rapport li deher fil-Malta Today. Madankollu wara li xnigħat persistenti, Mintoff qalilhom li l-inċidenti ta’ serq kienu problema rikurrenti u li Camilleri ħallas lura €5,000 minn €20,000 li waslu fi ftehim li kellu jroddilhom.

Herman Grech u Michel Rizzo xehdu dan fi proċeduri ta’ libell li bdew minn Saviour Balzan kontra Ivan Camilleri li sostna li dak rapportat huwa gidba.

Grech xehed li l-gazzetta spiċċat tirtira stqarrija li ħarġet biex tappoġġja lil Camilleri. Qal li dan seħħ wara li Mintoff tahom l-istampa kollha u allega li s-serq minn Camilleri kien ilu għaddej għal bosta xhur jekk mhux ukoll snin. Madankollu ngħad li Mintoff ma riedx jagħmel fratterija minn din l-istorja u waslu fi ftehim biex Camilleri jħallas €12,000 li minnhom ħallas €5,000.

L-avukati ta’ Camilleri sostnew li ċ-ċifra ta’ €12,000 qatt ma ssemmiet minn Mintoff meta xehed fil-proċeduri u għalhekk qalu li xi ħadd qiegħed jigdeb. Min-naħa tiegħu, Grech qal li dak hu li qalilhom Ray Mintoff. Huwa żied jixhed li f’laqgħa li kellhom mal-istess direttur, huwa qal li l-ammont allegat f’serq kien ilaħħaq bejn il-€15,00 u l-€20,000.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com