“Jagħżlu Lil Min Iridu!” – Il-Ministru Byron Camilleri Dwar L-Elezzjoni Tal-PN
Il-Ministru Byron Camilleri kiteb fuq facebook li ftit li xejn tgħamillu differenza min jagħżlu t-tesserati tal-PN bħala mexxej. Kiteb li l-Partit Laburista jrid jibqa’ ffukat fuq xogħlu, u fil-PN jiġri li jrid.
F’messaġġ skjett ma’ ritratt tal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista Camilleri nnota kif fl-aħħar jiem ħafna opinjonisti u kummentaturi politiċi provaw jikkummentaw fuq lil min irid il-Partit Laburista bħala Mexxej tal-PN.
U hawn fetħilha fuq iż-żewġ kontestanti.
“Kien hemm min qal li rridu lil Adrian Delia għax kien kritikat ħafna Bernard Grech. Bħal li kieku tort tiegħi jew ta’ ONE NEWS li dan diġa’ għamel bħal dak li jrid jilħaq minfloku u meta għadu lanqas beda fil-politika diġa’ nqabad f’xi nofs tużżana kontradizzjonijiet,” kiteb Camilleri.
Minn naħa l-oħra żied: “Ta’ Adrian Delia qalu li rridu l-Bernard Grech għax jerġa’ jmexxi Simon Busuttil u allura nirbħulhom bl-istess mod tal-2017. Bħal li kieku fl-2019 lil Delia ma tajnihx l-istess tkaxkira li tajna lil Busuttil sentejn qabel.
“Li kelli noqgħod inġib fix-xejn kull argument li għamlu ma nispiċċa qatt. Ngħid għalija, jagħżlu lil min iridu,” tenna Camilleri.
“Sakemm aħna nibqgħu magħqudin wara t-tmexxija ta’ Robert Abela, jibqa’ jkollna l-prijoritajiet tajbin u l-kuraġġ inwettqu r-riformi jistgħu jagħmluhom kapijiet kollha f’daqqa, għax xorta waħda jkun ħaqna l-fiduċja tal-poplu.
Għalhekk fiż-żmien li ġej irridu nibqgħu ninsistu biex inwettqu l-manifest elettorali u naħdmu għal Għada Aħjar,” kiteb il-Ministru Camilleri.