L-Elezzjoni Għal Kap Tal-PN Se Ssir Kif Ippjanat… “Il-fatt Li Mart Wieħed Mill-Kandidati nstabet Pożittiva Ma Tbiddel Xejn…”
Fi stqarrija mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, responsabbli mit-tmexxija tal-elezzjoni għal Kap tal-PN ħadet nota ta’ dak li ppubblika Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista aktar kmieni llum, u dan wara li l-istess talba magħmula lill-Kummissarju Elettorali dalgħodu wkoll, ġiet rifjutata minħabba li m’hemmx bażi għaliha.
Il-Kummissjoni Elettorali ilha ġimgħat tikkonsulta dwar il-mod kif kellha torganizza din l-elezzjoni fl-aktar ambjent san minħabba l-pandemija tal-Covid-19. “Il-fatt li mart wieħed mill-kandidati nstabet pożittiva ma tbiddel xejn mill-preparazzjonijiet u ma żżid l-ebda pressjoni għal min kien diġa’ organizzat”, tgħid l-istqarrija.
Saħqet li l-kummissjoni dejjem ħadet ħsieb is-saħħa tat-tesserati u tenniet li l-elezzjoni se ssir bil-prekawzzjonijiet miltuba mid-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika. Iżda l-Kummissjoni qed torganizza l-votazzjoni mifruxa fuq sitt’ijiem għal ħinijiet twal biex tassigura li l-votanti jkunu jistgħu josservaw id-distanza soċjali kif rakkomandat mill-awtoritajiet flok f’ġurnata waħda biss kif sar 3 snin ilu.
Il-postijiet tal-votazzjoni ser ikunu ffumigati u t-tesserati ser ikollhom permess jieħdu lapes jew pinna tagħhom. Kull tesserat għandu jkun liebes il-maskra jew visor u ser tittieħed ukoll it-temperatura ta’ kull individiwu qabel jidħol jivvota. Ser ikun hemm ukoll sanitizers qabel u wara li persuna tivvota.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista sabiex jieħdu sehem f’din l-elezzjoni u jikkoperaw mad-direttivi kollha rigward il-COVID-19, kif kull ċittadin hu mistenni li jagħmel f’kull attività oħra.
Din kienet iffirmata minn Peter Fenech; Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali PN.
Ritratt: The World News Platform