L-Iskejjel Tal-Knisja Ser Jilqgħu Lill-Istudenti F’Ambjent Sigur
Fi stqarrija mis-Segretarjat għall-edukazzjoni Nisranija, intqal li l-iskejjel tal-Knisja qed jaħdmu qatigħ sabiex jiftħu u jilqgħu lill-istudenti u l-edukaturi f’ambjent kemm jista’ jkun sigur.
Intqal ukoll li qed isir ħafna xogħol biex jinħoloq dan l-ambjent. Barra minn hekk, l-iskejjel tal-Knisja għaddejjin b’diskussjonijiet kontinwi mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, u mal-Malta Union of Teachers.
“Is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti, tal-istaff kollu u tal-familji tagħhom, u tal-komunità inġenerali, jibqgħu prijorità ewlenija għall-iskejjel tal-Knisja. Iż-żieda fit-trasmissjoni tal-COVID-19 fil-komunità f’dawn l-aħħar jiem huwa ta’ tħassib serju. Sfortunatament dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jfixklu l-ftuħ tal-iskejjel b’mod sigur”, tenniet l-istqarrija.
L-iskejjel tal-Knisja jinsistu li jekk ma jkunux jistgħu jiftħu fiżikament, is-sena skolastika xorta għandha tibda fid-data diġà stabbilità minn kull skola, b’lezzjonijiet online, live jew irrekordjati fost mezzi diġitali oħra, skont it-timetable tal-iskola.
Tennew li l-lezzjonijiet jingħataw mill-edukaturi li jkunu qed jaħdmu mill-iskejjel tagħhom. L-iskejjel tal-Knisja appellaw ukoll biex ikomplu jittieħdu l-miżuri kollha mill-awtoritajiet pubbliċi biex bis-sehem ta’ kulħadd jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sigurtà li jagħmilha possibbli li l-iskejjel jiftħu fiżikament għall-istudenti mill-aktar fis possibbli. Dan fl-aħjar interess tal-istudenti kollha u tas-sistema edukattiva. Hemm temmet l-istqarrija fi ħdan il-Kurja.
Ritratt: Curia Communications