L-MUT Ser Tlaqqa’ L-Kunsill B’Urġenza Aktar Tard Illum…
Fi stqarrija mill-Malta Union of Teachers intqal li wara diversi ġimgħat ta’ diskussjonijiet intensivi bejnha u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-MUT waslet f’pożizzjoni li tiddikjara li d-diskussjonijiet fallew.
Qalet li dan “hu dovut għall-fatt li l-Ministeru ripetutement qiegħed jimplimenta miżuri fl-iskejjel li m’humiex dawk li ġew diskussi filwaqt li jinjora jew jara kif ser idur bla ma jwieġeb b’mod effettiv mijiet ta’ mistoqsijiet li għadhom m’humiex imwieġba partikolarment dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà.”
L-MUT qed tisħaq li huwa ċar li l-implimentazzjoni ta’ miżuri dwar is-saħħa u s-sigurtà kif ukoll l-aspett kurrikulari qed isiru bl-għaġġla li jfisser li kemm is-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi, l-istudenti u l-familji flimkien mal-aspett kurrikulari qed jiġu kompromessi.
“L-MUT iddiskutiet diversi soluzzjonijiet mal-Ministeru matul dawn l-aħħar ġimgħat u xi wħud minnhom diġà ġew maqbula u kkomunikati. Ġara, iżda, li b’mod ripetut dak li qed jiġi implimentat mhux dak li ġie diskuss. Eżempji jinkludu t-timetables fis-sekondarja, il-miżuri dwar edukaturi ikkunsidrati ‘high risk’ u s-superviżjoni. Minn naħa l-oħra, mbagħad, għad hemm wisq affarijiet u mistoqsijiet pendenti mhux imwieġba mill-Ministeru”, kompliet tgħid il-unio tal-għalliema.
Skont l-MUT, il-preparazzjonijiet bdew tard ħafna u issa jinsabu fi stat ta’ paniku assolut. L-MUT ser tlaqqa’ l-kunsill tagħha b’urġenza aktar tard illum.
Ritratt: time.com/teachers-coronavirus