Tlift Il-Gost Tal-Ħajja… Inħossni Bla Skop!

 Tlift Il-Gost Tal-Ħajja… Inħossni Bla Skop!

BOOMERANG…

Niftakar qisu lbieraħ.  L-ewwel..u s’issa…l-unika mawra li għamilt lejn l-Awstralja. Kont għand iz-zijiet tiegħi u konna waqt bbq fil-ġardina….ġardina insomma…kien qisha aktar grawnd tal-futbol…imma z-zijiet ġardina kienu jsejħulha. U jien bħala l-mistieden tagħhom ma merejthomx.

Waqt li konna miġbura fil-ġardina, ta’ żatat li jien, fettilli naqbad boomerang li kien fuq mejda fil-qrib u tfajtu fl-arja.  Fid-dokumentarji l-boomerang dejjem jiġi lura f’idejn il-persuna li tkun waddbitu.  Fil-każ tiegħi iżda l-boomerang spiċċa għadda  żbrixx ma’ ras il-mara taz-ziju li kienet mehdija tixwi u tħawwar il-biċċiet tal-cube rolls li kien hemm lesti għalina. U tgħidulix fejn illandja għax dak il-ħin ma bdejtx nara u xtaqt l-art tiblagħni!

U minn dakinhar ‘l hemm għamilt riżoluzzjoni miegħi nnifsi li ladarba l-boomerang mhux ħobż għal snieni ma kellix għalfejn nerġa’ nitwebbel li nitfa’ wieħed ieħor f’ħajti.

U għadda ż-żmien u l-bajtar sar u mingħajr ma naf kif il-boomerang ġie jżurni hu.  Mingħajr ma tlabtu. Mingħajr ma fittixtu. U mhux biss għadda żbrixx minn miegħi imma ħadni ġo nofs rasi.  U mhux darba jew tnejn. Tlift il-kont ta’ kemm-il daqqa faqqagħli.

Nieħu qatgħa kif nara l-ewwel dawl tal-ġurnata.  Il-ħsejjes tal-ġirien jiftħu u jagħlqu l-bieb tad-dar jew jistartjaw il-karozza sabiex jitilqu għax-xogħol jqabbduni uġigħ ta’ras.  Il-ħsieb li anke jien ikolli nqum mis-sodda biex nipprepara għall-ġurnata xogħol tiegħi jaqtagħli nifsi.

Kif nista’ naffronta n-nies jekk moħħi mtaqqal, jekk il-pass tiegħi tqil, jekk dwejjaq kbar jgħammru fl-istonku tiegħi?

Trid tqum…trid tkompli…tinsiex min int…. nisma’ fil-kuriduri mbegħdin ta’ moħħi.  U jerġa’ l-leħen b’aktar intensita’. Triq tqum.  Tkompli.  Tinsiex min inti.  Il-piz inħossu jitqal.

U nagħtu bidu għal taqbida li tifliġni. Tħallini bla saħħa. 

Tlift il-gost tal-ħajja.  Inħossni bla skop.  La għandi moħħ u u wisq anqas aptit noħlom.  Jew nippjana. Wisq anqas nipproġetta.

Li kieku nista’ ….abra kadabra…nisparixxi lili nnifsi.  Noqgħod waħdi.  ‘Il bogħod minn kollox u minn kulħadd.  Eremita fl-aktar għar imbiegħed li jeżisti.

Imma jkolli nqum bil-fors.  Nimxi bil-ktajjen tqal imsaddin ma’ saqajja.

Nifsi maqtugħ.  Nixtieq ngħajjat imma ma nistax.  Imqar nokrob imma ma nissugrax.

Mur ara x’timbru naqla’ kieku.  Hawn hu l-marid b’moħħu.  Wasal id-deppressat. Mur afdah l-imtektek!  U nkun ktibt il-kundanna tiegħi mingħajr ma nuza taqtira inka.

Kemm kien aħjar meta għamilt l-operazzjoni tal-appendicite!  Kif faqgħuli l-facebook.  Get well soon!  Ejja ħalli ma ndumux ma narawk!

Li kieku llum ingħid x’qed verament inħoss lanqas dubbiena ma tersaq lejja!

U l-boomerang idur u jfaqqagħli ġo rasi. Il-maskra li nilbes kuljum se ticcarrat bla ebda tama li tissewwa.

U sibt ruħi mwaħħal fit-traffiku. Ezatt bħal ħajti.  Imwaħħla.  Staġnata.

Mitluf kif kont, bdejt inqaleb l-istazzjonijiet tar-radju.  Kemm se ddum tgiddem difrejk jew ittaptap fuq id-dashboard?

Muzika.  M’għandix aptit nisma’ storbju.

Reklami:  Paroli fil-vojt.

Aħbarijiet.  M’għandix moħħ.

Kompli qalleb.

Isma’….dan min hu qed jeqred…mela ma jmurx xogħol jewwilla.  Qalleb….le…ta…bil-mod…x’qed jgħid?   Kien iħossu mitluf?  Imħawwad?  Bla saħħa?  Bla aptit?  Bla direzzjoni….ezatt kif inħossni jien….mela mhux waħdi….qed jagħti numru ta’ support group….isa…biro kif għadni wieqaf fit-traffiku….nikteb in-numru fuq idejja….u t-traffiku ċċaqlaq fl-aħħar…u bdejna mixjin….

Wasalt fejn kelli nasal.  Dħalt naħsel idejja.  Iva bilħaqq….dan in-numru….ma jaqbilx li nitilfu…..anzi…ncempel issa stess…..hello!….

U minn dik il-hello….illum niltaqa’ regolarment ma’ min iħossu bħali….m’ghadnix nibza’ noħroġ mill-qoxra…..konxju li se nsib min jiġġudikani, min jagħtini timbru….Imma jiena minni nnifs jinteressani….li nerġa’ nibda nara s-sabiħ ta’ madwari.  Li nerġa’ nibda noħlom. Li nieħu gost bir-raġġi tax-xemx. Li nitpaxxa bl-ispluzjoni ħelwa ta’ kuluri tal-pepprin u tal-qarsu fl-għalqa ta’ faċċata.  Li nerġa’ indawwar ir-rota.

U mmur lura mir-rizoluzzjoni li kont ħadt dakinhar meta kont fil-ġardina taz-ziju fl-Awstralja.  Se naqbad il-boomerang tal-ħsibijiet u tal-bizgħat u tal-qtigħ il-qalb u nwaddbu ‘l bogħod kemm jista’ ikun….U meta l-boomerang bil-ħsibijiet, bil-bizgħat u bil-qtigħ il-qalb jerġa’ jiġi lura, inkun lest biex nilqgħu…u nerġgħu nwaddbu ‘l bogħod….

Il-kura professjonali u l-kappella tal-Adorazzjoni se jagħmlu d-differenza wkoll.

Naf li t-triq hi twila imma jiena se nkun fil-kontroll u nagħżel li ngħix.

Għaliex minkejja kollox… il-ħajja sabiħa wisq.

 

Dan il-ħsieb huwa miktub minn Ray Muscat, Assistent Kap tal-iskola San Benedittu li ser ikun qed jikkontribwixxi fis-sit stradrjali.com minn żmien għall-ieħor

Ritratt: brighterworld.com

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com