X’Għandek Tagħmel Jekk Persuna Qed Tifga?

 X’Għandek Tagħmel Jekk Persuna Qed Tifga?

Tkellimna mar-Radjografa u Tabiba Dr. Georgiana Farrugia Bonnici dwar mument xejn pjaċevoli li jista’ jiġri lil kulħadd bla mistenni. Staqsejnieha:

X’inhuma s-sintomi li jindikaw li wieħed ikun xeraq, u konsegwentament jista’ jifga?

Wieħed jista’ faċilment jinnota li persuna qed tbati biex tieħu n-nifs, meta jismagħha tisgħol, ma tkunx tista titkellem sew, jaf tibda żżomm għonqha biex tipprova taqla’ l-biċċiet tal-ikel li jkunu weħlu fil-pajp tan-nifs, jew tagħmel movimenti oħra b’idejha biex tipprova tikkomunika li għandha diffikultà biex tieħu n-nifs, u kif ukoll billi tisma’ ċerti ħsejjes ta’ tħarħir jew tisfir ġejjin mill-gerżuma.

Meta persuna tkun ilha ftit minuti b’nuqqas ta’ ossiġnu, dan iwassal sabiex il-kulur tal-ġilda jibda jkanġi lejn il-lewn blu, u anke li tintilef minn sensieha.

X’għandna nagħmlu biex nagħtu l-ewwel għajnuna lill-persuna li tkun qed tifga fl-ikel?

L-ewwel pass li wieħed għandu jagħmel sabiex jagħti l-ewwel għajnuna lill-vittma li tkun qed tifga fl-ikel, huwa li jbaxxi ras il-vittma ħarira l’isfel, u jipprova 5 ‘backslaps’, jew aħjar jagħti 5 daqqiet fuq id-dahar tal-vittma, eżattament fin-nofs tal-ġwenħiet. Wara li jkun sar dan, huwa importanti li wieħed jiċċekkja l-ħalq tal-vittma sabiex jara jekk il-biċċiet tal-ikel ikunux viżibbli.

Jekk dan l-attentat ifalli wara 5 darbiet, u l-vittma xorta tkun qed turi sintomi ta’ distress, wieħed għandu jipprova il-‘Heimlich Maneuver’. Din il-manuvra tista’ ssir billi wieħed jippożizzjona ruħu fuq wara tal-vittma, jagħmel idejh f’forma ta’ ponn ġo xulxin, u jagħfas ‘il fuq u l-ġewwa, direttament fuq il-qadd, taħt il-kustilji. Din il-manuvra tista’ tiħi ripetuta sakemm il-vittma tistejqer.

Wara li jsiru dawn l-attentati tal-ewwel għajnuna, huwa importanti ferm li l-vittma tiġi riferuta għal aktar assistenza medika.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com