Xorta Se Jsir Kunċert Fi Żmien Il-Covid… Aqra Kif
Electronic Music Malta (EMM), il-benniena tal-mużika elettronika kontemporanja f’Malta, tinsab lesta biex f’Ottubru li ġej ittella’ l-edizzjoni li jmiss tal-Festival Circuits.
Dan il-festival annwali popolari ilu jiġi organizzat fi Spazju Kreattiv kull sena minn mindu tnieda fl-2016, u jġib flimkien fi gżiritna artisti tal-mużika elettronika, dawk li jagħmlu s-synthesisers, kif ukoll DJs minn Malta u minn madwar id-dinja.
Il-Festival Circuits, li jinkludi installazzjonijiet, workshops, spettakli, taħditiet u spazju għall-esebizzjoni, hu ddisinjat biex isaħħaħ il-ħiliet tal-komunità lokali ta’ artisti tal-mużika elettronika.
“F’Circuits tista’ tistenna li ssib serje ta’ avvenimenti b’mużika live minn artisti Maltin, taħditiet u workshops dwar suġġetti differenti, u tista’ ssir taf dwar tekniki tas-software tal-mużika u titgħallem kif tibni gadget mużikali żgħir,” żvela Luc Houtkamp, Direttur Artistiku ta’ EMM u l-Festival Circuits. “Però Circuits mhux festival tal-innerdjati: hu maħsub għal dawk kollha ħerqana li jesperjenzaw xi ħaġa ġdida, xi ħaġa li ma tkunx qed tistennieha! Circuits jisfida lis-semmiegħa biex joħorġu lil hinn miż-żona komda tagħhom u jiftħu widnejhom u moħħhom.”
Il-programm ta’ Circuits 2020, li se jsir bejn is-17 u t-30 ta’ Ottubru, hu mfassal madwar it-tema ta’ din is-sena: ‘Lil Hinn miż-Żona Komda’. Il-workshops se jkopru suġġetti bħall-bini DIY tal-apparat synthesiser ‘Storbju’, għarfien dwar is-saħħa fir-rigward ta’ espożizzjoni għal livelli ta’ ħoss eċċessivi, l-istorja tal-produzzjoni tal-mużika f’Malta mis-sebgħinijiet sal-lum, kif ukoll ir-rappreżentazzjoni tal-industrija Maltija tad-divertiment u l-arti, u l-liġi tad-drittijiet tal-awtur u tal-mużika. Tom Ammerman, li kien ġie nominat għall-Premju Grammy, se jkun qed jippreżenta workshop online dwar il-ħoss mifrux spazjalment, bil-parteċipazzjoni ta’ udjenza live u online. Sadanittant, matul il-festival se jkunu qed jittellgħu diversi diskussjonijiet minn organizzazzjonijiet bħall-MEIA, il-Fondazzjoni M3P, il-PRS u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Awdjoloġisti.
Minbarra diversi DJs u wirjiet live minn artisti tal-mużika elettronika fosthom Giacinte, Tina, Hearts Beating in Time u KNTRL, il-Festival Circuits 2020 se joffri wkoll proġett speċjali li jimxi id f’id mat-tema ewlenija, iffilmjat f’postijiet varji madwar il-Belt Valletta.
Circuits 2020 se jkun festival ibridu: l-avvenimenti kollha se jiġu mxandra dirett fuq l-internet, mentri xi wħud minnhom se jippermettu l-attendenza ta’ udjenza skont il-protokolli tas-saħħa marbuta mal-COVID-19. L-istreaming live tal-avvenimenti se jsir bi ffilmjar u awdjo bl-aqwa teknoloġija, filwaqt d-diskussjonijiet se jittellgħu fuq pjattaformi aċċessibbli b’mod wiesa’ fejn il-pubbliku jkun jista’ jistaqsi mistoqsijiet u jipparteċipa online.
Circuits hija parti mill-programm Spazju Kreattiv u hi appoġġjata wkoll mill-German Maltese Circle u l-Istitut Goethe.
Matul ix-xahar ta’ Ottubru, esebizzjoni u installazzjoni relatati ma’ Circuits u proġetti oħra organizzati minn EMM se jkunu disponibbli fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta.