Adrian Delia Jirrifjuta Li Jkun Fix-Shadow Cabinet Ta’ Grech
L-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għarraf lil Bernard Grech li ma jridx ikun parti mix-shadow cabinet tiegħu.
Kelliem għal Grech qal li f’laqgħa li saret dan l-aħħar, Delia qal lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista li jippreferi li ma jkollu ebda rwol fix-shadow cabinet Nazzjonalista.
Ix-shadow cabinett mistenni jerġa’ jinkludi fih d-deputati bħal Jason Azzopardi, Bebbe Fenech Adami, Karol Aquilina u Chris Said. Deputati li kienu wara l-kampanja ta’ Grech biex jiġi elett Kap tal-Partit Nazzjonalsita.
Il-kelliem ta’ Grech qal li Delia esprima x-xewqa li jsegwi l-prassi użuta fil-Parlament Ingliż fejn l-ex kap tal-Partit ma jkollu l-ebda qasam fil-portafoll tiegħu.
Huwa żied jgħid li l-kwistjoni għadha mhux magħluqa fejn mistennija li jsiru aktar diskussjonijiet bejn Grech u Delia.
Il-Ħadd li għadda Grech qal li ried jassigura li Delia jkollu rwol fix-shadow cabinet. Dan minkejja li skont il-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti, Delia kellu jitneħħa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista minħabba dawk li sejħu allegazzjonijiet serji li għandu fuq rasu fosthom dawk ta’ ħasil ta’ flus li ġejjin mill-prostituzzjoni.
Allegazzjonijiet li kienet għamlet dwaru Daphne Caruana Galizia matul il-kampanja tiegħu għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tliet snin ilu.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu li Grech għadu jtella’ u jniżżel dwar ix-shadow cabinet tiegħu. Fil-fatt ilbieraħ f’intervista li kellu fuq l-istazzjon nazzjonali qal li ma kellux għaġġla biex jaħtar dan ix-shadow cabinet.
L-istess sorsi qalu li taqliba kbira bħalissa fl-irwol tad-deputati fil-grupp parlamentari ma tagħmilx sens, fl-istess waqt oħrajn sostnew li dan jista’ jagħti nifs ġdid lill-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.