Aktar Minn 7,600 Student Itemmu L-Eżamijiet Tal-O U L-A Levels

 Aktar Minn 7,600 Student Itemmu L-Eżamijiet Tal-O U L-A Levels

Minkejja l-isfida tal-Covid-19, 7,668 student irnexxielhom jagħmlu l-eżamijiet tas-Sec u tal-Matsec li din is-sena saru b’mod straordinarju bejn id-29 ta’ Awwissu u s-7 ta’ Ottubru li għadda.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li bejn l-eżamijiet tas-SEC u l-Matrikola saru b’kollox 150 sessjoni f’14-il-ċentru differenti.

Mill-informazzjoni li rċevew l-awtoritajiet edukattivi mingħand l-istudenti stess, 35 student tilfu xi sessjoni jew iktar għaliex kienu kwarantina u dawn xorta waħda se jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom wara pronunzjamenti li għamlu iktar kmieni din is-sena l-istituzzjonijiet terzjarji ta’ pajjiżna fejn jidħlu miżuri speċjali ta’ dħul ta’ studenti fuq “probation status”. Ukoll, ma kienx hemm każijiet ta’ studenti li kellhom jinħarġu miċ-ċentru tal-eżami għax ħassewhom ma jifilħux.

Saru 9 sessjonijiet ta’ eżamijiet fid-djar ta’ tliet istudenti li se jsegwu korsijiet li jirrikjedu kwalifiki speċjali biex tidħol fihom peress li nqabdu kwarantina.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici spjega li dawn l-eżamijiet intemmu b’suċċess u kollox mexa bl-aħjar mod waqt li ġiet salvagwardjata s-saħħa kemm tal-istudenti u kemm tal-eżaminaturi.

Waqt li rrikonoxxa t-tħassib ġenwin ta’ min kien inkwetat dwar il-fatt li se jsiru dawn l-eżamijiet, il-Ministru Bonnici saħaq li l-fatti juru kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni li l-edukazzjoni tal-istudenti tkompli anke fejn jidħlu l-eżamijiet.

Huwa saħaq li s-suċċess tas-sessjoni tal-eżamijiet ma kienx b’kumbinazzjoni imma ntlaħaq għaliex l-awtoritajiet segwew il-miżuri kollha li ġew imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex dawn l-eżamijiet setgħu jsiru.

9 sessjonijiet ta’ eżamijiet fid-djar ta’ tliet istudenti li se jsegwu korsijiet li jirrikjedu kwalifiki speċjali biex tidħol fihom peress li nqabdu kwarantina.

Il-Ministru Bonnici temm jirringrazzja lid-Dipartiment tal-Eżamijiet u l-Board tal-MATSEC u l-ħaddiema kollha involuti tal-ħidma kbira li wettqu sabiex dawn l-eżamijiet setgħu jsiru b’suċċess għall-ġid, fl-aħħar mill-aħħar, tal-istudenti nfushom.

Ritratt: Newsbook

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com