Borg-Cardona Jsejjaħ “Ġrieden” Lin-Nazzjonalisti Li Qed Jirriżenjaw Mill-PN

 Borg-Cardona Jsejjaħ “Ġrieden” Lin-Nazzjonalisti Li Qed Jirriżenjaw Mill-PN

Il-lettur tal-Università Andrew Borg Cardona sejjaħ bħala ġrieden lill-kunsilliera u t-tesserati li ddeċiedew li jitilqu mill-Partit Nazzjonalista wara l-ħatra ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Borg-Cardona li mhux l-ewwel darba li spiċċa f’nofs kontroversja minħabba l-kummenti tiegħu, talab lil xi ħadd jispjegalu l-loġika ta’ dawk li sejjaħ bħala ġrieden mill-Partit Nazzjonalista.

Fost dawk li rriżenjaw mill-Partit Nazzjonalista kien hemm Louise Tedesco, kunsilliera għal bosta snin fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun u attivista midħla sew tal-Partit Nazzjonalista għal għexieren ta’ snin.

Fil-messaġġ tiegħu fuq facebook, is-Sur Borg Cardona qal li l-pożizzjoni ta’ dawn in-nies kienet li ladarba Delia ġie elett, il-vot kellu jiġi rrispettat.

Iżda issa qal li ladarba Delia tilef il-vot, issa qegħdin jaġixxu b’rabja.

Huwa żied jgħid li bla dubju, dawn il-kunsilliera u dawk li appoġġjaw lill-ex Kap Nazzjonalista kellhom jitilqu mill-Partit Nazzjonalista meta ssejjaħ vot ġdid aktar milli qagħdu jistennew biex jaraw jekk rebaħx.

Fl-aħħar ġimgħat, Borg-Cardona kien spiċċa f’nofs kontroversja wara li sejjaħ attivisti u tesserati li kienu qegħdin jappoġġjaw lil Adrian Delia bħala Nazzjonalisti tat-tielet klassi.

Intant f’anqas minn 24 siegħa mindu tħabbar ir-riżultat uffiċjali fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ kap tal-PN, is-Sinjura Tedesco ħabbret li kienet informat lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech li b’effett immedjat kienet qed tirriżenja minn kull kariga fil-Partit Nazzjonalista, inkluż dik ta’ Kunsilliera Lokali.

Saħansitra qalet li kienet se ttemm ix-xogħol tagħha ma’ Net TV.

Hija tat ħajr lill-ħaddiema ta’ Media.Link Communications li ħadmet magħhom mill-ewwel ġurnata li fetaħ NET TV, lit-telespettaturi li tawha mumenti ta’ sodisfazzjon u lill-kostitwenti tal-Ħamrun tal-fiduċja li tawha tul is-snin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com