Ċelebrazzjoni Ta’ Xogħol, Impenn U Dedikazzjoni Min-Nies Fis-Settur Tad-Diżabbilità
Fis-7 ta’ Diċembru li ġej ser tittella’ edizzjoni oħra tal-Premju Soċjetà Ġusta mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità mmexxija mill-Onorevoli Silvio Parnis.
Dan il-premju huwa ċelebrazzjoni tal-ammont kbir ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni meħuda minn nies fis-settur tad-diżabilità.
Din is-sena l-bord qiegħed jilqa’ applikazzjonijiet għal 5 premji:
- Premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità,
- Premju għal Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità,
- Premju Soċjetà Ġusta,
- Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport, Arti u Kultura u
- Premju għall-iktar post tax-xogħol li jopera b’mod inklussiv.
Il-prinċipju li se jiggwida l-għażliet għal dawn il-premji huwa li jkollna soċjetà aktar ġusta fejn il-persuni b’diżabilità jieħdu sehem attiv fil-komunita. L-għan li jingħata dan il-premju huwa sabiex jiġu ċċelebrati l-kisbiet ta’ individwi u organizzazzjonijiet li jappoġġjaw kultura t’iżjed drittijiet għall-persuni b’diżabilità.
Il-Gvern għandu d-dmir li jesprimi l-apprezzament tiegħu lil kull min qiegħed jaħdem għal soċjetà iżjed inklussiva, fejn persuni b’diżabilità u dawk qrib tagħhom, bħall-qraba u l-assistenti tagħhom ikunu jistgħu jesperjenzaw atteġġjamenti iżjed miftuħa, iżjed aċċessibilità u kundizzjonijiet li jħeġġju l-għajxien indipendenti u fil-komunità.
L-applikazzjoni tista’ tinkiseb mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, Palazzo Ferreria, Triq il-Repubblika, Valletta, Malta,
- permezz ta’ email fuq soċ[email protected],
- minn fuq is-sit www.activeageing.gov.mt
- jew mill-uffiċini tal-Kunsilli Lokali.
In-nominazzjonijiet jagħlqu l-Ġimgħa 20 ta’ Novembru. Il-preżentazzjoni se ssir fis-7 ta’ Diċembru 2020 u sal-lum huwa ppjanat li din issir b’mod virtwali.
Inħeġġukom tipparteċipaw!