CNG Trekventures… Avventuri Bla Limitu!

 CNG Trekventures… Avventuri Bla Limitu!

Kien żmien ta’ ħafna inċertezzi u biża’ u mistoqsijiet. Pandemija, ħasil tal-idejn u Social Distancing kienu fuq fomm kulħadd …

Ħafna minn dawk illi kienu joħorġu għal mixjiet twal fil-kampanja, kienu ordnati jibqgħu ġewwa minħabba li huma vulnerabbli. Kienu mdorrijin jistennew il-weekend ħalli jgawdu l-kampanja u l-pajsaġġi Maltin.

U kien appuntu dan il-fatt li xpruna lil Conrad Neil Gatt, Fotografu u Avventuruż, illi jagħmel xi ħaġa biex jibqa’ jżomm lil dawn il-vulnerabbli u dawk kollha illi ma setgħux joħorġu, qrib in-natura u wkoll jiskopru postijiet ġodda fuq dawn il-gżejjer żgħar tagħna mill-kumditá ta’ darhom.

Beda billi jmur mixjiet twal fil-kampanja, għoljiet, widien, għerien … u matul il-mixjiet tiegħu jieħu xi ritratti u videos qosra, u jaqsamhom mas-segwaċi tiegħu fuq Facebook.

L-idea bdiet tintogħġob mhux ħażin u r-rispons beda jikber, saħansitra jissodisfa x-xewqiet tas-segwaċi tiegħu billi jżur postitjiet illi bdew jissuġġerixxu huma … li forsi jfakkruhom fi tfulithom jew xi perjodu ieħor ta’ ferħ f’ħajjithom.

Aktar tard ġietu l-idea li jibda jtella dawn l-esperjenzi fi Vlogs, fuq il-Youtube Channel tieghu … Conrad Neil Gatt …

Conrad jistqarr magħna li dan jeħodlu ħafna u ħafna ħin, meta tqis illi hu qatt ma kellu esperjenza ta’ video editing. Mill-ftit li tgħallem waħdu, beda jipperfezzjona r-riżultat tiegħu, fejn illum għandu mal-madwar is-630 segwaċi.

Il-Vlogs bdew taħt l-isem ta’ ‘CNG Treks’, fejn anki kien qed jistieden xi VIP’s jagħmlu xi esperjenza miegħu u jwassalha lis-segwaċi tiegħu fuq Youtube. Beda jinkludi wkoll informazzjoni utli fuq Storja, Kultura, Flora u Fawna, Ġeoloġija, suġġerimenti mill-esperjenzi passati tiegħu u ħafna iktar. Beda wkoll iżur postijiet illi ftit li xejn nies żaruhom qabel u dan beda jinżel għasel man-nies.

Il-ġimgħat baqgħu għaddejjin, il-‘following’ baqa’ jikber. Wasal ukoll is-sajf u s-sħana ma naqsitx. Għalekk Conrad iddeċieda li minflok Trekking biss, jaqleb ftit għal water sports u avventuri oħra, u kien hawn li nbidel l’isem għal ‘CNG Trekventures … Free Your Spirit’ issa.

Bejn snorkelling, abseiling, scuba diving, jet skiing, kayaking, caving … l-avventuri bdew dejjem aktar jisbieħu. Conrad, kultant flimkien mal-grupp zgħir tiegħu, bdew iwasslu lin-nies id-dar avventuri sbieħ u eċitanti, uħud minnom ftit riskjużi wkoll biex ngħidu kollox, peró dejjem fil-limiti tas-Saħħa u s-Sigurtá. Jemmen illi għal avventuri bħal dawn irid ikollok apparat adattat u ta’ ċertu stoffa, u mhux tal-ħabba gozz … speċjalment meta għandek ħajtek imdendla fuqhom !!

Conrad jgħidilna li sab ħafna kooperazzjoni minn nies professjonali f’kull attivitá li organizza, u kienu bosta dawk li avvicinawh biex ikunu parti minn dawn l-avventuri oriġinali tiegħu. Il-feedback illi qed ikollu mingħand in-nies tat-triq qed ikomplu jħeġġu u jimlieh b’kuraġġ biex iwasslilna aktar u aktar avventuri ġodda.

Illum stess Conrad, flimkien ma’ grupp żgħir ieħor, qed jwasslulna avventura kuraġġuża oħra! … Din id-darba jixxabbtu ma’ rdum kemmxejn perikoluż, għoli 90metru, limiti tas-Siġġiewi. Tgħid irnexxielom jaslu s’isfel qawwijin u sħaħ? Segwu dan il-Vlog interessantissmu … https://youtu.be/QdX1AlfxCJA

Dawk kollha li jissieħbu fuq il-Youtube Channel ta’ Conrad Neil Gatt matul din il-gimgħa, u jsemmu is-sit tagħna ’StradaRjali’ se jidħlu biċ-ċans li jerbħu 15% skond mingħand l-aktar ħanut professjonali fil-qasam tal-avventura f’Malta!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com