“Dan Ser Ikun Baġit Ieħor Li Se Jinvesti Fin-Nies” – Clayton Bartolo
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo qal li l-għan tal-baġit li se jitħabbar għada t-Tnejn 19 t’Ottubru 2020, se jkun li joffri serħan il-moħħ f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida.
Qal li l-Gvern ser ikun qed jintroduċi miżuri biex jipproteġi l-għejxien tal-familji u n-negozji minkejja d-daqqa finanzjarja fil-finanzi pubbliċi li ħalliet il-pandemija tal-Covid-19.
Tenna wkoll li permezz tal-mini baġits wieħed wara l-ieħor li nieda l-Gvern, ġew salvati madwar 80,000 post tax-xogħol. Fil-fatt, il-miżura tal-COVID Wage Supplement għenet bil-kbir f’dan ir-rigward.
“Ma rridux niefqu hawn u dan ser ikun baġit ieħor li jinvesti fin-nies”, tenna l-Onorevoli Bartolo.
“L-istrateġija finanzjarja tagħna għas-sena d-dieħla hija msejsa fuq li nagħtu iżjed għajnuna, billi nonfqu iżjed milli nkunu daħħalna imma fuq kollox biex ndaħħlu sens ta’ kuraġġ u tama fost il-poplu Malti u Għawdxi”, temm jgħid Clayton Bartolo.