€3.3 Miljun Għar-Riabilitazzjoni Ta’ Wied Il-Għasel
Fil-bidu ta’ Ġunju li għadda ngħata l-bidu għall-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied il-Għasel fil-limiti tal-Mosta u tan-Naxxar, it-tieni l-akbar wied f’Malta, bi spiża li mistennija tilħaq €3.3 miljun. €2 miljuni minnhom huma finanzjament min-naħa tal-Ministeru għat-Turiżmu bil-kumplament ġejjin mill-fondi ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.
Il-proġett, li l-implimentazzjoni tiegħu hija f’idejn Parks Malta, mistenni jitlesta sa tmiem is-sena li ġejja.
L-ewwel xogħol li sar kien ir-restawr tal-ilqugħ tal-ilma li kien diġà jeżisti filwaqt li nbeda x-xogħol biex jitneħħew madwar 45,000 metru kubu ta’ materjal li nġema’ fil-wied tul is-snin.
Sadanittant inbeda x-xogħol biex jinbnew sitt ilqugħijiet ta’ ilma li għandhom żewġ għanijiet, li jiżdied il-potenzjal li jkun assorbit aktar ilma tal-pjan u li jnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ għargħar fiż-żona agrikola ta’ Burmarrad.
Għaddej ukoll xogħol fuq ir-restawr tal-ħitan tal-ġnub tal-wied, ir-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ u t-tneħħija ta’ siġar u ta’ pjanti invażivi. B’riżultat ta’ dan se jkun qed jinħoloq spazju biex jitħawlu aktar minn 800 siġra indiġina u ftit inqas minn 3,000 arbuxell. Dan ix-xogħol se jkun qed jinkludi wkoll l-installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni.