Għaqdiet Ambjentali Jitolbu L-Qorti Tannulla l-Ftehim Dwar l-Aħrax U L-Miżieb
Sitt għaqdiet ambjentali ħabbru li fetħu kawża quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva sabiex jiġi annullat il-ftehim ta’ kurazija fuq l-Aħrax u l-Miżieb li sar bejn il-Gvern u l-FKNK.
Iż-Żewġ azzjonijiet separati iżda magħquda fl-istess għan ġew depożitati għand it-Tribunal nhar il-Ħamis.
L-Avukat Claire Bonello se tirrappreżenta lill-Birdlife Malta, Moviment Graffitti, Din L-Art Helwa, Friends of the Earth (Malta), Flimkien Ghal Ambjent Aħjar u lill-Prof. Edward Mallia. Dr. Joseph Ellis u Dr. Martin Farrugia sejrin jirrappreżentaw lil The Ramblers’ Association of Malta fl-istess kas.
Meta jitqiesu dawn iż-żewġ azzjonijiet flimkien, l-għaqdiet ambjentali se jagħmlu numru ta’ argumenti kontra l-Awtorita’ tal-Artijiet.
L-għaqdiet qed isostnu li l-Awtorita’ aġixxiet b’mod arbitrarju, xejn trasparenti, diskriminatorju u nieqes mir-raġonevolezza, u li wettqet numru kbir ta’ żbalji proċedurali u li b’hekk aġixxiet lil hinn mill-poter li tagħtiha l-Liġi.
Il-konsiderazzjonijiet mhux xierqa u irrelevanti li użat l-Awtorità tal-Artijiet meta ħolqot dan il-ftehim u tat din il-konċessjoni se jostakolaw it-tgawdija tal-kampanja mill-pubbliku għal biċċa l-kbira tas-sena, u dan sabiex jiġu akkomodati minoranza żġħira tal-membri tal-FKNK.
L-għaqdiet qegħdin isostnu li l-liġi tal-Unjoni Ewropeja ġiet miksura meta l-Gvern ma għamel l-ebda’ studju sabiex jiġi determinat u meqjus l-impatt ambjentali ta’ din il-konċessjoni.
Qegħdin isostnu ukoll li l-liġi tal-Unjoni Ewropeja ma ġietx segwita meta skonthom dan il-ftehim ġie negozjat b’mod sigriet, għaliex b’hekk il-pubbliku ma setax jipparteċipa fit-tfassil tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ dawn iż-żewġ siti.