“Gvern Li Se Jibqa’ Jħares Ir-Ruħ Soċjali” – Il-PM
Dan il-Gvern se jibqa’ jħares ir-ruħ soċjali filwaqt li jibqa’ viċin iż-żgħir u dawk li jinsabu batuti. Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela fit-tweġibiet tiegħu għal mistoqsijiet tal-pubbliku f’Ħal Balzan.
Spjega kif il-Baġit se jservi ta’ garanzija ta’ dak li qed jgħid hekk kif se jkun qed joħloq aktar ġid u se jaħdem id f’id man-negozji iżda fl-istess waqt jgħin lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn.
Mistoqsi dwar ir-ritorn tat-tfal f’din is-sena skolastika, Abela spjega kif din kienet deċiżjoni ttieħdet fl-interess ta’ din il-ġenerazzjoni ta’ studenti biex ma jispiċċawx b’impatt ħażin fuq l-edukazzjoni tagħhom li jaf tħalli effetti ħżiena ‘l quddiem. Spjega kif minkejja li l-ġenituri ngħataw l-għażla dwar jekk għandhomx jibgħatu lit-tfal l-iskola, xorta waħda għandhom iqisu li t-tfal tagħhom jiksbu l-edukazzjoni neċessarja u jsegwu t-tagħlim onlajn ipprovdut.
Dwar it-turiżmu, il-Prim Ministru qal kif dan il-Gvern iħares lejn ivvjaġġar sigur fejn fil-jiem li ġej mistenni li jkun hemm żieda fl-ittestjar kif ukoll sistemi ta’ ttestjar aktar effiċjenti. Qal minkejja li l-vaċċin mistenni joħroġ fil-ġimgħat jew xhur li ġejjin, il-ħajja trid tkompli, b’prekwazzjonijiet neċessarji, iżda wieħed ma jistax jinqafel fid-dar tiegħu u jispiċċa fi stat ta’ biża’.
Spjega kif l-iskema ta’ għajnuna fil-pagi għall-ħaddiema se tinżamm biex tkompli sservi ta’ għajnuna u ta’ spalla għan-negozji.