Heritage Malta B’Sehem Fl-Akbar Konferenza Ewropea Dwar Il-Wirt Kulturali
Heritage Malta se tieħu sehem bħala kollaboratur ewlieni fit-tmien Konferenza Internazzjonali Ewromediterranja (EuroMed 2020), li se ssir mit-2 sal-5 ta’ Novembru.
Euromed hija l-akbar konferenza Ewropea dwar il-wirt kulturali diġitali, iddedikata għall-protezzjoni, il-preservazzjoni u d-dokumentazzjoni elettronika tal-wirt kulturali. Għall-ewwel darba, il-konferenza se ssir online minħabba l-pandemija Covid-19.
Anthony Cassar, Project Manager EEA Digitisation ma’ Heritage Malta, se jkun ir-rappreżentant tal-aġenzija f’din il-konferenza li se tlaqqa’ flimkien professjonisti, studenti u delegati minn aktar minn 60 pajjiż biex jaqsmu l-għarfien u l-esperjenzi fir-riċerka dwar il-wirt kulturali kif ukoll l-iżviluppi attwali u futuri madwar id-dinja f’dan il-qasam.
Is-Sur Cassar se jmexxi s-sessjoni tal-għeluq ta’ workshop ta’ ġurnata fejn diversi kelliema ta’ livell għoli ser jiffukaw fuq it-turiżmu kulturali. Il-workshop qed jiġi organizzat mill-presidenza tal-UNESCO u tal-UE ERA dwar il-Wirt Kulturali Diġitali, b’koperazzjoni mal-Librerija Ewropea Diġitali tal-UE. Id-dipartiment tad-diġitizzazzjoni ta’ Heritage Malta se jipproduċi vidjow introduttorju ta’ 30 minuta għal dan il-workshop, liema vidjow se jittratta t-turiżmu kulturali fis-27 Stat Membru tal-UE.
“Din il-konferenza se tipprovdi opportunità eċċellenti għal Heritage Malta biex tesponi u tippromovi lilha nnifisha bħala organizzazzjoni ewlenija fil-qasam tal-wirt kulturali diġitali, partikolarment meta wieħed iqis li l-EuroMed 2020 se tkun segwita mill-qrib mill-ogħla uffiċjali tal-UE u mexxejja ewlenin fis-settur,” qal is-Sur Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta.