Il-Partit Laburista Jsellem Lil Joseph Muscat

 Il-Partit Laburista Jsellem Lil Joseph Muscat

Il-Partit Laburista sellem lil Dr Joseph Muscat u jirringrazzjah tal-kontribut kbir u qawwi li ta fi ħdanu fl-aħħar snin fi rwoli differenti, ewlieni fosthom bħala Mexxej għal 12-il sena u nofs, fejn għal kważi 7 snin minnhom kien Prim Ministru.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li s-snin li Dr Muscat għamel imexxi lill-Partit Laburista jibqgħu kkaratterizzati minn ħidma ma taqta’ xejn ta’ tiġdid, tibdil u tisħiħ.
Qal li kif wiegħed sa minn qabel ma nħatar Mexxej, Dr. Muscat bena madwar il-Partit Laburista Moviment mill-iktar b’saħħtu u inklussiv tal-Liberali, Progressivi u Moderati.
“Dan il-Moviment żamm miegħu lill-Maltin u lill-Għawdxin li minn dejjem kienu jappoġġjaw lill-Partit Laburista waqt li ġibed lejh eluf oħra li ressqu lejn il-Partit Laburista għall-ewwel darba”, qal il-Partit Laburista.

Żied jingħad li ss-snin li Joseph Muscat għamel bħala Mexxej jibqgħu mfakkra wkoll għall-mod kif il-Partit Laburista kiseb 10 rebħiet f’10 elezzjonijiet li saru bejn l-2008 u l-2019.
“Il-Partit Laburista mhux biss kiseb rebħiet storiċi fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2013 u tal-2017, iżda sar ukoll l-uniku partit politiku f’pajjiżna li rebaħ l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kemm mill-oppożizzjoni u anki mill-gvern, waqt li fl-istess ħin fl-2019 fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru mal-pajjiż kollu, kiseb l-ikbar distakk fuq il-Partit Nazzjonalista fl-istorja tal-elezzjonijiet f’pajjiżna”, qal il-Partit Laburista.

Sostna li Joseph Muscat jibqa’ sal-lum mhux biss l-iktar Mexxej politiku li kiseb numru ta’ voti fl-ewwel għadd f’elezzjoni ġenerali, iżda jibqa’ wkoll l-uniku Mexxej politiku f’Malta li rebaħ l-elezzjonijiet kollha li kkontesta. Fiż-żmien li Joseph Muscat dam Mexxej tal-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista kellu tliet Kapijiet differenti wara xulxin.

Il-Partit Laburista fakkar li mill-2013 ‘il quddiem bħala medja kull sena l-ekonomija Maltija kibret bi kważi 7% – iktar minn 3 darbiet il-medja Ewropea. Qal li taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, Malta rreġistrat surplus fil-finanzi pubbliċi għall-ewwel darba fi 32 sena u kull sena pajjiżna dejjem kellu l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE.

Qal li Gvern Laburista raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u mexa b’politika li wasslet għal stabbilità fil-prezz tal-fjuwil għall-familji u n-negozji. Fl-istess ħin li żarma l-power station tal-Marsa li għal snin sħaħ kienet sors ewlieni ta’ tniġġiż tal-arja fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta u ċ-ċumnija tal-power station ta’ Delimara, simbolu għal snin sħaħ tal-użu minn Gvernijiet Nazzjonalisti tal-heavy fuel oil, l-aktar żejt li jħammeġ, inbniet power station ġdida li taħdem bil-gass.

Il-Partit Laburista qal li Gvernijiet Laburisti mmexxija minn Joseph Muscat ressqu wkoll l-ewwel budgets fl-istorja mingħajr taxxi. Qal li ż-żieda fix-xogħol wasslet għall-ħolqien ta’ middle class ġdida u fl-istess ħin in-nies ikkunsidrati f’riskju ta’ faqar naqsu bin-nofs.

Gvern Laburista introduċa l-iskema taċ-‘child care centres’ bla ħlas. Sa tmiem l-2019 l-għajnuna tal-gvern lill-genituri telgħet għal iktar minn €80 miljun u n-nisa fid-dinja tax-xogħol fl-2019 żdiedu b’60% fuq l-2012. Il-pensjonanti kienu fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tal-gvernijiet immexxija minn Joseph Muscat, b’żidiet kull sena tant illi l-ispiża fuq pensjonijiet taħt Gvern Laburista kienet ta’ €600 miljun iktar mill-2012.

Il-Partit Laburista fakkar f’kisba oħra ta’ Gvern Laburista jiġifieri l-iffirmar tal-ftehim storiku mal-imsieħba soċjali kollha tal-MCESD li ra żieda għall-ewwel darba fil-paga minima nazzjonali wara ħafna snin. Minn naħa l-oħra iktar minn 19,000 persuna gawdew mill-iskema tal-first time buyers u ffrankaw iktar minn €60 miljun fi ħlas ta’ taxxa tal-boll.

Fl-istess waqt għal 5 snin konsekuttivi Malta żammet l-ewwel post fl-indiċi li janalizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ta’ persuni LGBTIQ madwar l-Ewropa. Gvernijiet Laburisti daħħlu fost oħrajn il-Liġi tal-Unjoni Ċivili u l-Liġi dwar Żwieġ Indaqs. Gvern Laburista li daħħal is-servizz tal-IVF f’Mater Dei waqt li daħħal emendi fil-liġi tal-IVF biex iktar persuni jkollhom possibilità li jsiru ġenituri. Malta saret ukoll it-tieni pajjiż tal-Unjoni Ewropea li niżżel l-età tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet kollha minn 18 għal 16-il sena.

Għall-ewwel darba wkoll b’Joseph Muscat bħala Prim Ministru bdew jittieħdu l-passi biex pajjiżna jkollu infrastruttura li tkun kapaċi tilqa’ għar-realtajiet ġodda tal-ekonomija. Għal dan il-għan kien allokat budget rekord ta’ €700 miljun u minnufih bdew sensiela ta’ xogħlijiet fuq it-toroq li pajjiżna qatt qabel ma ra bħalhom.

“Bħala Prim Ministru, Dr.Muscat żamm kelmtu anki fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex immedjatament kif seħħ dan id-delitt, kien wiegħed li ssir ġustizzja sħiħa u hekk ġara, għaliex kien hemm ir-rieda li jseħħ dan”, sostna l-Prim Ministru.

Il-Partit Laburista sellem ukoll lil Michelle Muscat li mhux biss kienet dejjem ta’ spalla għal Dr Muscat, iżda li fl-aħħar snin ħadet inizjattivi biex tqajjem kuxjenza dwar kawżi differenti u tagħti vuċi lil ħafna Maltin u Għawdxin li għal snin sħaħ tħallew waħidhom.

Mill-ġdid il-Partit Laburista jirringrazzja lil Joseph Muscat talli taħt il-gwida tiegħu, Gvernijiet Laburisti poġġew lil pajjiżna f’qagħda iktar b’saħħitha milli qatt kien, biex jilqa’ għall-isfidi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com