Koppji Jistgħu Jibbenefikaw Sa €2,000 F’Rifużjoni

 Koppji Jistgħu Jibbenefikaw Sa €2,000 F’Rifużjoni

Koppji li kellhom jipposponu t-tieġ jew ċerimonji tal-unjoni ċivili minħabba l-Covid-19 jistgħu jibbenefikaw minn għotja ta’ rifużjoni għal depożiti mħallsa għal tiġien/ċerimonji tal-unjoni ċivili posposti minħabba l-pandemija Covid-19 bħala parti mill-pjan għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri spjega li għal din l-inizjattiva qed jiġi allokat baġit totali ta’ €2 miljun u l-iskema se tibqa’ attiva sakemm jispiċċaw il-fondi kollha.

“Il-koppji jistgħu jibbenefikaw sa €2,000 u l-applikant eliġibbli jista’ japplika għal għotja ta’ darba biss. Il-pagamenti se jiġu trasferiti direttament fil-kont bankarju kif indikat mill-applikant fl-applikazzjoni,” qal il-Ministru Schembri.

Din l-iskema tmur lil hinn mill-iskemi eżistenti għall-koppji li se jiżżewġu peress li hija mmirata biss lejn koppji li tilfu d-depożiti tagħhom minħabba l-posponiment tat-tieġ tagħhom bħala konsegwenza tal-pandemija.

Ġie spjegat li l-applikanti u l-kriterji eliġibbli għal din il-miżura huma:-

– Koppji li ċ-ċerimonja tat-tieġ/unjoni ċivili tagħhom kienet oriġinarjament mistennija li ssir bejn it-8 ta’ Marzu 2020 u t-30 ta’ Settembru 2020
– Koppji li kellhom depożiti mħallsa fuq oġġetti u servizzi relatati maċ-ċerimonja tat-tieġ/unjoni ċivili tagħhom kif ippruvat mid-dokumenti ppreżentati
– Dawk li se jipprovdu s-servizzi għad-data l-ġdida tat-tieġ jistgħu jkunu differenti minn dawk ibbukkjati għall-ewwel data tat-tieġ.

Il-proċess ta’ applikazzjoni għandu jitwettaq kollu kemm hu online permezz ta’ sit elettroniku uffiċjali li permezz tiegħu l-applikanti għandhom jipprovdu dettalji tal-irċevuti tad-depożiti mħallsa, dettalji tar-riċevuta fiskali finali tal-oġġett u s-servizzi pprovduti, u kwalunkwe dokumentazzjoni oħra meħtieġa li tiġi sottomessa.

Id-dokumenti sottomessi jridu jinkludu:-

– Kopja tal-invoices u tad-depożitu mħallas
– Kopja tal-irċevuta fiskali finali ta’ oġġetti u servizzi pprovduti
– Kopja tal-kuntratti oriġinali u l-emendi sussegwenti
– Dikjarazzjoni tal-bejjiegħ/min se jipprovdi s-servizz li d-depożitu oriġinali ġie miżmum.

L-applikazzjoni għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u d-dettalji kollha meħtieġa u għandha tiġi sottomessa online lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi sa mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta ġiet ippjanata ċ-ċerimonja taż-żwieġ/unjoni ċivili.

Għal aktar informazzjoni u biex tapplika wieħed għandu jżur: https://mfin.gov.mt/en/Services/Pages/Grants.aspx

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com