Il-PN Isostni Li Hemm Bżonn Jitħaffef Il-Pass Lejn Ekonomija Bbażata Fuq Enerġija Nadifa
Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista intqal li l-vokazzjoni ta’ Malta u Għawdex hija li ninvestu dejjem aktar fuq sorsi ta’ enerġija nadifa u rinnovabbli. Intqal li permezz ta’ dan igawdu l-familji tagħna u jgawdi l-ambjent ta’ madwarna. Din hija formula ‘win win’ li teħtieġ volontà politika soda u investimenti b’appoġġ għal inizjattivi privati.
“Propju f’dan il-kuntest, ir-risposta tal-Partit Nazzjonalista ‘Nissaħħu Flimkien’ għall-Baġit imressaq mill-Gvern toffri viżjoni alternattiva għall-Gżejjer Maltin imsejsa fuq futur sostenibbli”, tenna l-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess stqarrija intqal li qed jinnotaw b’dispjaċir li l-Gvern waqa lura fil-kooperazzjoni fi ħdan il-‘Clean energy for EU islands initiative’. Minkejja l-istqarrijiet sbieħ tal-Prim Ministru, Malta għadha mingħajr pjan dettaljat għat-transizzjoni lejn enerġija nadifa. 22-il-gżira madwarna diġà ppubblikaw pjanijiet dettaljati fi ħdan l-inizjattiva ‘Clean energy for EU islands’ u bdew jimplimentawhom bil-ħsieb li jnaqqsu jew jeliminaw għal kollox l-emissjonijiet u jipproteġu l-ambjent naturali.
Qalu li 3 snin ilu, il-Gvern kien ġa ħa l-impenn li jikkoopera fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex Malta tavvanza lejn enerġija nadifa, iżda issa qed jaqa lura fl-implimentazzjoni konkreta ta’ dak l-impenn u għadu ma ppublikax il-pjan dettaljat għat-transizzjoni lejn enerġija nadifa.
“Il-Partit Nazzjonalista impenjat li jkun katalist fir-riformi kbar li jeħtieġ pajjiżna fis-settur tal-enerġija nadifa, li toffri opportunitajiet ġodda u futur sabiħ għaż-żgħażagħ Maltin”, temmet tgħid l-istqarrija.