Il-Pulizija Tal-komunità Jinfirxu Fi 11-il Lokalità

 Il-Pulizija Tal-komunità Jinfirxu Fi 11-il Lokalità

Il-pulizija tal-komunità bdew jaħdmu fi 11-il lokalità oħra. B’ħames timijiet ġodda tal-pulizija tal-komunità, issa l-pulizija għandha sitt timijiet ta’ pulizija li qed jaħdmu fi tnax-il lokalità bi 28 uffiċjal dedikati ta’ kuljum fil-qalba ta’ tnax-il belt u raħal.

Il-lokalitajiet fejn il-community policing issa beda jaħdem uffiċjalment huma l-Belt Valletta, il-Furjana, Marsaxlokk, Birżebbuġa, ir-Rabat, l-Imdina, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, Pembroke, is-Swieqi u l-Fgura. Magħhom hemm il-Mellieħa li kienet il-lokalità fejn sar il-proġett pilota.

Fil-jiem li ġejjin iċ-ċittadini ta’ dawn il-lokalitajiet ser jirċievu fuljett id-dar bit-tagħrif u bil-kuntatt dwar il-pulizija tagħhom.

Dawn it-timijiet se jkunu qed joperaw minn binjiet viċin il-komunità li tħejjew apposta għal dan is-servizz.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li issa li dawn il-pulizija tħarrġu u bdew jaħdmu fil-lokalitajiet magħżula, tibda l-konsultazzjoni biex il-proġett jinfirex f’lokalitajiet oħra, inklużi lokalitajiet bi sfidi ikbar.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li dawn it-timijiet huma komposti minn fost l-aktar nies dedikati li għandna fil-Korp. Qal li kienu huma li b’mod volontarju u wara sejħa interna kif ukoll wara taħriġ, inkluż minn professjonisti fis-suġġett, intgħażlu biex iwettqu dmirhom bħala community police officers.

“Fil-maġġor parti tagħhom huma żgħażagħ entużjasti u b’enerġija liema bħala. Fil-fatt l-età medja tagħhom hija dik ta’ 25 sena. Mill-banda l-oħra, it-team leaders huma surġenti b’esperjenza fil-Korp filwaqt li nieħu gost nara li minn fost 28 uffiċjal għandna 10 nisa, inklużi tnejn li huma team leaders”, qal il-Kummissarju.

Ritratt: The Malta Police Association

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com