Investiment Ta’ €1.2 miljun Fiċ-Ċentru Tas-Saħħa Tal-Gżira

 Investiment Ta’ €1.2 miljun Fiċ-Ċentru Tas-Saħħa Tal-Gżira

Għaddejjin xogħlijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira biex din il-binja ssir iktar aċċessibli, moderna u fuq kollox biex toffri iktar servizzi lir-residenti tad-disa’ lokalitajiet fil-madwar.

Waqt żjara fuq is-sit, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif, ladarba jkun lest il-proġett, f’ Marzu tas-sena d-dieħla, iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gzira se jkun qed joffri mas-sebgħa u għoxrin servizz lill-komunita. Għaldaqstant dan il-proġett se jkompli jimplimenta l-politika tal-Gvern li kemm jista’ jkun il-pazjent jieħu servizz fil-pront u fil-komunita stess, minflok jirrikorri għal Mater Dei meta ma jkunx hemm bżonn.

Huwa fakkar kif iċ-Ċentru tal-Gzira huwa wieħed minn tmien Ċentri tas-Saħħa u erba’ u ħamsin klinika fil-komunita li qed jiġu rinovati jew mibnija mill-ġdid madwar Malta u Għawdex.

Ix-xogħlijiet, li huma mmexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, qed isiru b’ investiment ta’ €1.2 miljun Ewro minn fondi tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FMS, Carmen Ciantar, spjegat kif bħalissa fis-sulari kollha tneħħew is-servizzi u qegħdin isiru wkoll emendi strutturali skont id-disinn il-ġdid. Ix-xogħlijiet jinkludu- xogħol ta’ madum, ta’ kisi u partitions, installazzjoni ta’ sistema ġdida tal-elettriku, waterproofing, suffetti ġodda, rinovazzjoni tal-faċċata u l-installazzjoni ta’ lift, ġenerator u X-Ray Machine ġdida.

Hu stmat li ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gzira jaqdi ‘l fuq minn sebgħin elf persuna, tant li fl-2019 iċ-Ċentru kellu mal-122,000 appuntament- numru li mistenni jiżdied meta jerġgħu jinfetħu l-bibien is-sena d-dieħla grazzi għal t-titjib fl-aċċessibilita.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com