It-Tieqa Tad-Dwejra Reġgħet Preżenti… Ara Kif

 It-Tieqa Tad-Dwejra Reġgħet Preżenti… Ara Kif

It-Tieqa tad-Dwejra. Kienet xenarju maħbuba minn bosta, mhux biss Maltin u Għawdxin iżda saħansitra turisti. Dan hekk kif din ix-xena kienet tiġbed l-attenzjoni ta’ eluf ta’ persuni, tant li anke dehret f’serji u films internazzjonali.

Kien wara maltempata kbira, fis-7 ta’ Marzu tal-2017, li t-Tieqa tad-Dwejra għebet għal kollox hekk kif iġġarfet u ħalliet biss warajha memorji u ritratti.

Iżda l-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz f’Għawdex, xtaq li jżomm din il-memorja ħajja u għalekk qabbad lill-artista taċ-ċeramika Għawdxija, Katron Formosa biex toħloq skultura taċ-ċeramika, replika tat-Tieqa tad-Dwejra li kienet tifforma parti minn San Lawrenz flimkien ma’ skultura oħra ta’ mara bil-bizzilla, li hija sinonima mal-karattru tan-nisa ta’ San Lawrenz.

Is-Sindku ta’ San Lawrenz, Noel Formosa, spjega kif il-Kunsill dan l-aħħar qed jaħdem fuq proġett sabiex imantni u jżomm f’kundizzjoni tajba l-belvedere Colle Umberto li jinsab fi Triq Nicholas Monsarrat. Fost l-oħrajn sar xogħol ta’ manutenzjoni, bil-proġett ġie ffinanzjat minn skema tad-Direttorat tal-Iskemi fi ħdan id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.

Spjega kif hija l-intenzjoni tal-Kunsill li mhux biss iżomm il-post mantenut tajjeb imma wkoll li jara li jsebbaħ il-lokalità għalhekk il-Kunsill ħaseb sabiex fi tmiem dan il-proġett ta’ manutenzjoni jagħmel dawn l-iskulturi taċ-ċeramika li mhux biss jorbtu mal-identità tar-raħal imma wkoll jibda joħloq mużew ta’ arti fl-apert. Is-Sindku Noel Formosa qal li dan iż-żmien tal-pandemija nebbħu sabiex jibda jaħseb kif b’mod prattiku nibdew noħolqu esebizzjonijiet fl-apert u hekk mhux biss inkunu qed insebbħu imma wkoll inkunu qed nagħtu opportunità lill-artisti sabiex ikomplu jesebixxu xogħlhom.
L-iskulturi saru fiż-żona ta’ rikreazzjoni għat-tfal, fejn spjega kif b’hekk tkun qed tinżamm ħajja l-kultura u t-tradizzjoni fit-tfal li huma l-futur tagħna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com