Itennu Li Din It-Triq Se Tagħmel Ħerba Lill-Wirt Naturali, Tipperikola L-Patrimonju U Thedded L-Għajxien Tal-Bdiewa

 Itennu Li Din It-Triq Se Tagħmel Ħerba Lill-Wirt Naturali, Tipperikola L-Patrimonju U Thedded L-Għajxien Tal-Bdiewa

Fi stqarrija mill-Kummissjoni Patrimonju Kulturali Kattoliku (KPKK) u l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qalu li jinsabu mħassba serjament dwar il-proposta ta’ bini ta’ triq f’Ħad Dingli li tgħaqqad Daħla tas-Sienja ma’ Sqaq il-MUSEUM.

Iż-żewġ kummissjonijiet jarawha stramba li Infrastructure Malta daħlet għal dan ix-xogħol ftit żmien biss wara li ntemm l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-Rural Policy and Design Guidance 2020, li suppost hija intiża biex tgħin lill-bdiewa fl-attivitajiet agrikoli tagħhom.

Tennew li dan il-proġett imur kontra l-għanijiet ta’ din il-policy għax se jkun qed jhedded l-għajxien ta’ numru ta’ bdiewa. L-argument ta’ Infrastructure Malta li din it-triq hemm bżonnha f’każ ta’ emerġenza futura huwa perikoluż kif ukoll dgħajjef.

B’dan l-istess argument, bosta ċentri storiċi tal-ibliet u l-irħula f’Malta u Għawdex jistgħu jitwaqqgħu biex ikunu jistgħu jitwessgħu t-toroq u l-isqaqien li jagħtuhom karattru. Il-KPKK u l-KA jqisu bħala ħaġa tal-mistħija li l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet permess biex jinqerdu siġar tal-ħarrub, li huwa stmat li għandhom mijiet ta’ snin, biex issir triq li se tagħmel ħerba lill-wirt naturali, tipperikola patrimonju arkitettoniku u l-kuntest tiegħu, u thedded l-għajxien tal-bdiewa.

Ix-xogħlijiet proposti se jqiegħdu f’riskju u jistgħu jikkawżaw danni binja medjevali li l-esperti identifikaw bħala l-Kappella ta’ Santa Duminka ta’ Ħal Tartarni.

Din il-kappella hija waħda mill-ftit eżempji ta’ arkitettura Medjevali li fadal f’Malta. Ir-Rollo tal-1436 juri li sa mill-1402 dan is-sit kien diġà meqjus bħala parroċċa għax hu deskritt bħala cappella sancte Dominica tartarni. Kienet magħrufa hekk tal-anqas sal-1522.

Ritratt: church.mt

Hemm bżonn li Infrastructure Malta tkun integrata mill-ġdid b’mod sħiħ fil-proċess tal-ippjanar. Jeħtieġ li ssir reviżjoni urġenti tal-eżenzjonijiet li ngħataw lil Infrastructure Malta li jippermettulha tagħmel ċerti proġetti mingħajr ħtieġa li tapplika għall-permess sħiħ tal-iżvilupp, b’mod li jeskludu lil tali proġetti mill-iskrutinju tal-pubbliku u skrutinju rigoruż min-naħa ta’ awtoritajiet kompetenti oħra.

B’dan il-mod, din l-aġenzija tal-Gvern qed thedded l-għajxien tal-bdiewa u l-wirt naturali u kulturali tal-pajjiż. Għalhekk, hemm bżonn li l-attivitajiet tagħha jkunu regolati iktar, u mhux inqas, tant li wieħed jiġi mġiegħel jaħseb li mhu qed ikunu regolati xejn. Il-fatt li t-triq proposta ilha ppjanata għal ħafna snin ma jfissirx li m’hemmx bżonn li nerġgħu naraw jekk fl-2020 din it-triq għadx hemm tassew bżonnha. Appellaw lill-awtoritajiet biex issir ir-reviżjoni tal-pjani lokali li ilha mwiegħda għal diversi snin imma li għadha ma seħħitx.

Huwa pertinenti li nsaqsu jekk l-Awtorità tal-Ippjanar, wara li għaddiet minn diversi eżerċizzji ta’ ristrutturar f’dawn l-aħħar snin, hijiex mgħammra biżżejjed biex tagħmel reviżjoni sħiħa u sodisfaċenti tal-pjani lokali, liema reviżjoni tkun ibbażata fuq studji serji u bil-għaqal tal-ħtiġijiet ta’ kull lokalità, u fuq inventarju tal-assi naturali u mibnija li jeħtieġu li jiġu mħarsa.

Ritratt: church.mt

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com