Jibda X-Xogħol Fuq Bini Ta’ Skola Primarja Ġdida Fl-Imsida B’Investiment Ta’ €10 Miljun
Beda x-xogħol fuq il-bini ta’ skola primarja ġdida fl-Imsida b’investiment ta’ €10 miljun li se tkun qed tilqa’ fiha 500 student u studenta.
Dan il-proġett jinvolvi t-twaqqigħ tal-iskola eżistenti u l-bini ta’ skola kompletament ġdida fuq l-istess sit. L-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet li parti mill-faċċata tal-iskola l-antika tinżamm u tkun inkorporata bħala disinn fil-binja l-ġdida.
L-iskola l-ġdida se jkollha madwar 40 klassi – 26 klassi normali u għadd ta’ klassijiet oħrajn għal suġġetti speċifiċi bħall-iżvilupp personali u soċjali, l-arti, il-mużika, ix-xjenza, il-litteriżmu, u l-etika. L-iskola se jkollha wkoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal, librerija pubblika u sala li se tkun tesa’ madwar 300 persuna.
Waqt żjara fuq is-sit li matulha tqiegħdet l-ewwel ġebla, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li l-librerija pubblika, is-sala kif ukoll ammont ta’ spazju rikreattiv se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola. Id-daqs tal-iskola kollha, inklużi ż-żoni ta’ rikreazzjoni, se jkun ta’ 10,000 metru kwadru.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li din se tkun faċilità edukattiva moderna u futuristika ppjanta b’mod speċifiku sabiex tagħti l-aqwa edukazzjoni lil uliedna.
Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri qal li t-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-iskola l-ġdida tal-primarja fl-Imsida hija riżultat ta’ waħda minn numru mdaqqas ta’ deċiżjonijiet li kellna nieħdu madwar tliet snin ilu.
Bħala parti minn dan il-proġett se jinbena wkoll kumpless ġdid għall-Imsida Sea Scouts, bi spazju ta’ aktar minn 500 metru kwadru fuq barra u fuq ġewwa.
Taħt l-iskola se jkun hemm parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli li se jieħu ‘l fuq minn 100 karozza.
L-iskola l-ġdida se jkollha żewġ features innovattivi għall-iskejjel f’pajjiżna. F’din l-iskola se jiddaħħal il-kunċett ta’ ‘outdoor classroom environment’ fejn se jkun hemm spazju fuq barra fejn l-għalliema jkunu jistgħu jagħmlu ċertu lezzjonijiet fuq barra.
F’dan l-ispazju se jkun hemm għamara apposta fejn it-tfal ikunu jistgħu jpoġġu f’ċirku tond. Dan l-ispazju se jkun imsaqqaf b’tinda u se jkun imdawwar b’siġar, pjanti u fjuri.
Kunċett innovattiv ieħor hu l-ħolqien ta’ ‘green wall’ fuq waħda mill-faċċati tal-iskola. Din il-faċċata se tkun miksija bi ġnien vertikali. Din l-idea se tkun estiża wkoll għall-btieħi tal-istess skola.
Ritratt: DOI/ Clodagh O’ Neill