Jinħeles Mill-Arrest Waqt Li Hu Mixli Bil-Qtil Tal-Eks Sieħba Tiegħu
Justin Borg, ir-raġel akkużat bil-qtil brutali tal-eks sieħba tiegħu Chantelle Chetcuti, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet.
Chantelle Chetcuti, omm ta’ 34 snea ta’ żewġt itfal, kienet inqatlet b’daqqiet ta’ sikkina barra bar f’Ħaż-Żabbar, bis-sikkina tħalliet imweħħla f’ras il-vittma. Chetcuti kienet mietet ftit tal-jiem wara kawża tal-ġrieħi li ġarrbet.
Kien proprju ftit wara li seħħ il-każ li Borg kien mar għand il-Pulizija, bil-flokk ta’ fuqu għadu mċappas bid-demm, fejn ammetta li kien hu li ta d-daqqiet ta’ sikkina. Hu kien ġie arrestat u qed jaffaċċja akkużi ta’ qtil, li kien qed iġorr arma mingħajr il-permessi neċessarji, li kien fil-pussess ta’ droga kokaina u kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.
Fil-Qorti hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fejn il-Qorti appuntat espert biex tanalizza s-saħħa mentali tal-akkużat.
Kien proprju ftit tal-ġimgħat ilu li l-avukati tal-akkużat ressqu talba għall-ħelsiet mill-arrest iżda l-Qorti ma laqgħetx din it-talba hekk kif kien għad hemm xhieda li riedu jixhdu fil-każ. Iżda dan kollu nbidel proprju llum wara li l-istess persuni telgħu jixhdu fil-Qorti.
Hu nħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ €25,000 kif ukoll garanzija personali ta’ €20,000. Hu jrid ukoll ikun ġewwa bejn il-ħinijiet tat-8:00pm u l-5:00am filwaqt li jrid jiffirma fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.