Jittella’ T-Tieni Nofs Tal-Pont Għall-Mixi fil-Marsa
Matul il-lejl li għadda kompla jieħu s-sura tiegħu l-pont tal-mixi fi Triq Aldo Moro fil-Marsa hekk kif tqiegħed f’postu t-tieni nofs ta’ din l-infrastruttura tal-azzar li għandha l-għan isservi ta’ passaġġ pedonali f’din iż-żona traffikuża fil-pajjiż.
Is-Sibt filgħaxija, il-kuntratturi tal-proġett reġgħu għalqu triq biex tellgħu u qiegħdu b’mod sigur it-tieni nofs ta’ dan il-pont bi struttura mdendla minn arkati.
Il-pont huwa twil 59 metru u jiżen 70 tunnellata u dan se jipprovdi konnessjoni eħfef u aktar sigura għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, b’tal-linja jew bir-rota bejn l-inħawi taċ-Ċimterju tal-Addolorata, il-Qasam Industrijali tal-Marsa u l-Marsa Sports Grounds fuq naħa tat-triq, u fl-inħawi t’Albert Town u s-Salib tal-Marsa fuq ix-xaqliba l-oħra.
Infrastructure Malta qalet li dan se jgħaqqad ukoll il-faċilitajiet ġodda ta’ park and ride tal-istess proġett ma’ diversi
waqfiet għall-karozzi tal-linja fil-viċin, tul ir-rotta tat-trasport pubbliku lejn ħafna lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Il-pont jagħmel parti minn netwerk ta’ bankini, korsiji u waqfiet siguri għall-karozzi tal-linja, korsiji għar-roti u faċilitajiet ta’ park and ride li Infrastructure Malta qed tiżviluppa madwar is-seba’ strutturi ta’ flyovers ġodda ta’ dan il-proġett ta’ €70 miljun, biex tiffaċilita konnessjonijiet eħfef u aktar siguri għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi bejn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija, il-Marsa, Ħal Luqa, Ħal Qormi u nħawi oħrajn fil-viċin.