L-Eks Kummissarju Jissemma “Bosta Drabi” F’Tejps Ġodda Ta’ Melvin Theuma
L-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, issemma “mijiet” ta’ drabi fuq tejps ġodda li huma ta’ Melvin Theuma, il-middleman u x-xhud ewlieni fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Żvelat din l-informazzjoni s-sit Lovin Malta fejn qalet kif dawn ir-recordings il-ġodda huma parti minn tejps li saru jafu bihom riċentament f’aġġeġġi li kienu f’kaxxa li Theuma ta lill-Pulizija mal-arrest tiegħu lura f’Novembru tal-2019. Liema tejps, l-investigaturi tawhom lill-Europol għal aktar investigazzjoni. Iżda, skont l-esperti tal-Qorti, uħud mill-fajls sofrew xi ħsarat waqt li kienu qed jiġu eżaminati forensikament.
Is-sit spjega kif dettalji dwar dawn it-tejps il-ġodda ma tantx hemm u dawn instemgħu wara bibien magħluqa, iżda sorsi infurmati qalulhom li Cutajar issemma’ ħafna u ħafna drabi waqt is-smigħ ta’ dawn ir-recordings il-ġodda.
Intqal ukoll kif din ma kinitx l-ewwel darba li ssemma Cutajar b’rabta mal-każ hekk kif it-tim legali ta’ Yorgen Fenech allega li t-tejps juru biċ-ċar kif Theuma beda jiddiskuti kif allegatament xtara u nnegozja l-maħfra Presidenzjali għal €17,000.
Rapporti oħra jgħidu kif it-tejps li ġew irrekordjati fil-ġimgħat ta’ qabel l-arrest, Theuma qal lil Johann Cremona, li hu wkoll is-sieħeb f’negozju ma’ Fenech, dwar dawn in-negozjati.
LovinMalta spjega wkoll kif f’dawn it-tejps, Theuma allegatament qal li ta €15,000 lil Edwin il-Ġojja Brincat, persuna li jaf mill-qrib li wkoll ilu jaf lil Cutajar għal dawn l-aħħar tlettin sena, għall-istess negozjat. Hu wkoll allegatament jiżvela l-pjan dwar kif se jkun qed iħallas lil Brincat f’pakketti ta’ €5,000, liema allegazzjonijiet kemm Cutajar kif ukoll Theuma ċaħdu.
L-eks Kummissarju jinsab ukoll taħt investigazzjoni b’allegazzjonijiet ta’ ħruġ ta’ informazzjoni dwar il-każ.