L-MFA Ordnata Tħallas Is-Somma Ta’ €46,800 Lil Eks-Impjegata
L-Imħallef Lawrence Mintoff ma laqax l-appell li sarlu mill-Malta Football Association (MFA) liema appell kien fuq tkeċċija ta’ impjegata kif ukoll ordnalha tħallas is-somma ta’ €46,800 bħala kumpens.
Il-każ tressaq minn Pauline Basile Pace quddiem it-Tribunal Industrijali. Dan wara li fit-3 ta’ Jannar tas-sena 2014 hi giet infurmata li tkeċċiet mil-Legal and Football Governance Department fejn kienet taħdem.
Min-naha tagħha l-MFA sostniet li keċċietha minħabba li kien hemm assentejiżmu kontinwu li ma kienx awtorizzat minn fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa tagħha Basile Pace baqgħet tinsisti li din ma kinitx il-vera raġuni.
Intant quddiem it-Tribunal Industrijali rriżulta li r-raġuni primarja għat-tkeċċija kienet in-nuqqas ta’ fiduċja li kellu fiha l-ex President tal-MFA Norman Darmanin Demajo u li dan kollhu kien ġej minħabba li hija kienet taħdem bħala assistenta personali tal-predeċessur tiegħu Dr Joe Mifsud.
“Mill-provi rriżulta li Darmanin Demajo ma kellux fiduċja fiha tant li huwa stess xehed li ma kienx jafdaha, ma kienex jgħaddilha xogħol kif ukoll mini irwol ta’ ħafna responsabbiltà, din saħansitra ġiet relagata għal irowl fejn ix-xogħol ewlieni tagħha kien li tieħu ħsieb il-filing tal-karti”, irrimarka l-Imħallef Mintoff.
L-imħallef Mintoff kompla billi qal li qatt ma rriżulta li fix-xogħol tagħha xi darba ffaċċjat passi dixxiplinarji jew ingħatat xi tip ta’ twissija.
Kien għalhekk li l-Imħallef Mintoff ikkonferma d-deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali u sab lill-MFA ħatja ta’ tkeċċija inġusta kif ukoll ordnalha thallas lil Basile Pace is-somma ta € 46,800 bħala kumpens.
Ritratt: The Malta Independent