L-MUT Tappella Lill-Gvern U Tagħti Ultimatum
L-MUT qalet li hija mħassba ferm dwar in-numru ta’ każijiet pożittivi li qed ikunu rrappurtati kuljum.
Fi stqarrija, l-MUT qalet li n-numru ta’ każijiet pożittivi f’pajjiżna huwa kbir filwaqt li dan, flimkien mar-rata tat-trasmissjoni fil-komunità, ser iħalli mpatt fuq l-iskejjel.
Qalet li kif kien mistenni, diġà kien hemm każijiet pożittivi fl-iskejjel u li din is-sitwazzjoni ma tawgurax tajjeb. Żiedet li fi ftit jiem jista’ jkollna skejjel li ma jkollhomx edukaturi biżżejjed biex jagħtu servizz minħabba ċirkusanzi ta’ leave tal-kwarantina jew tal-mard.
L-MUT saħqet li hi r-responsabbiltà tal-Gvern li jara li l-iskejjel li fetaħ ikollhom il-miżuri kollha tas-saħħa u s-sigurtà. Qalet li l-ftuħ tal-iskejjel jeħtieġ miżuri ta’ rażan u ta’ infurzar.
“L-isforzi kollha tal-edukaturi, li qed jimplimentaw protokolli tas-saħħa riġidi fl-iskejjel, ser jisfumaw fix-xejn meta l-istudenti jkunu barra mill-iskejjel”, qalet l-MUT.
Hija żiedet tgħid li l-miżuri meħuda mill-gvern, bħal dawk tad-distanza soċjali, mhux qed jiġu infurzati kullimkien. Dan filwaqt li l-miżuri l-oħra, li għandhom l-għan li jrażżnu t-tixrid tal-virus, huma ftit wisq. Barra minn hekk qalet li għad hemm wisq direzzjonjiet kunfliġġenti mill-istess esponenti tal-gvern.
Fid-dawl ta’ dan, l-MUT tappella lill-Gvern sabiex jibgħat messaġġi ċari, jieħu miżuri ġodda li jrażżnu t-tixrid tal-virus filwaqt li jżid iI-miżuri tal-infurzar. L-MUT temmet tgħid li qed tagħti ultimatum lill-Gvern sal-Ħamis 15 ta’ Ottubru sabiex jieħu l-miżuri mitluba.
Sadanittant l-MUT ser tkun qed tħabbar sett ta’ direttivi li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi.
Ritratt: MUT