L-OPM Iwieġeb Lill-IĠM – Dak Li Ntqal Hu Fattwalment Skorrett
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li f’avveniment pubbliċi bħal dak li seħħ dalgħodu, il-ġurnalisti stess għandhom iżommu d-distanza.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal dan b’reazzjoni għall-Istqarrija li ħareġ l-IĠM fejn waħħal fil-Prim Ministru għan-nuqqas ta’ distanza li kien hemm bejnu u bejn il-ġurnalisti.
L-OPM qal li dak li ntqal mill-IĠM huwa fattwalment skorrett.
Qal li mhu vera xejn li l-Prim Ministru mhux qed jimxi mal-legal notices, li qed jidħlu grazzi għad-deċiżjonijiet li ħa hu stess biex ikunu ssalvagwardjati n-nies kif għandu r-responsabilità li jagħmel.
Ingħad li l-Prim Ministru qed ikun liebes konsistentement il-maskra fit-termini tal-legal notice, filwaqt li qed titneħħa, kif anke tagħti lok id-deċiżjoni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, waqt li jkun qed jindirizza l-pubbliku.
Żied jingħad li kif intqal fil-konferenza tal-aħbarijiet ġimgħa ilu, għalkemm il-gvern qed jagħti d-direzzjonijiet wara l-pariri mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, hija responsabilità tal-individwu wkoll li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u anke lil dawk ta’ madwaru.
“F’dan il-każ, il-ġurnalisti għandhom huma stess iżommu d-distanza bejniethom. Il-Prim Minisru ntalab mill-media sabiex jieħu l-mistoqsijiet, kif għamel, u hi responsabilità tal-ġurnalisti wkoll li ma jikkongregawx”, sostna l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Żied jirrimarka li kemm-il darba ngħataw struzzjonijiet mill-uffiċjali li jkunu mal-Prim Ministru sabiex il-ġurnalisti jimxu lura u ntqal bosta drabi li għandu jkun hemm stikek twal mal-mikrofoni.
“Ikun tajjeb li l-IĠM tagħti struzzjonijiet lill-membri tagħha sabiex jaderixxu ma’ dawn l-istruzzjonijiet li jingħataw”, kompla l-OPM waqt li nnota li kull darba li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru organizza anke avvenimenti fil-Berġa ta’ Kastilja, dejjem mexa kollox ħarir u organizzat.
Temm jgħid li kemm-il darba l-IĠM jemmen li din hija xi ħaġa li l-gvern irid ikun proattiv fiha hu, allura mill-avvenimenti li jmiss, jibdew isiru arranġamenti oħra, forsi aktar stretti.
“Wieħed jittama biss li ma jkunx hemm min jaħseb li l-Prim Ministru jew xi membru ieħor tal-gvern ikun qed jagħmel dan biex b’xi mod issa jwaqqaf jew ixekkel lill-ġurnalisti milli jagħmlu xogħolhom. Li hu żgur, il-Prim Ministru, forsi b’differenza għall-politiċi oħra, qatt ma ddejjaq mill-iskrutinju tal-media”, qal l-OPM.