“Li Jkollok Kanċer Ma Jiġix B’Ħafna Vantaġġi. Madankollu, Hemm Ftit!” – Nirvana 7 Snin Ilu
“Li jkollok kanċer ma jiġix b’ħafna vantaġġi. Madankollu, hemm ftit!”, kienet kitbet Nirvana.
“Waħda hija ċ-ċans li tgħid lin-nies li jimpurtak minnhom, li tħobbhom u li int grat għall-preżenza tagħhom f’ħajtek.
Vantaġġ ieħor huwa t-tagħlim enormi li tgħaddi minnhu. Li tkun iffaċċjat bil-mortalità tiegħek stess, jagħtik perspettiva.
In-nies verament jisimgħuk, għax kull kelma li tlissen tista’ tkun l-aħħar waħda tiegħek, naħseb!
Allura ħadt dawn it-tliet vantaġġi u wżajthom biex nikteb din l-ittra lin-nies kollha li jimpurtahom biżżejjed minni biex ikunu hawn illum.
Ittra biex nirringrazzjakom u nagħtikom pariri. Irrid li llum titlaq minn din il-knisja b’sens ta’ħajja mġedda. Ħalli ma tgħaddix ġurnata, siegħa, minuta mingħajr ma tkun preżenti u grati għaliha.”
Dawn huma ftit mill-versi fl-ittra li Nirvana kienet ippreparat waqt li kienet qed tiġġieled kontra l-marda tal-kanċer.
Illum għaddew seba’ snin minn meta pajjiżna kien ixxukjat bl-aħbar li Nirvana m’għadhiex magħna.
Permezz ta’ dan l-artiklu, xtaqna nfakkru kemm Nirvana kienet, għadha u ser tibqa’ għażiża għall-familja tagħha, għalina li konna nafuha u għal ħafna nies oħra li xi darba jew oħra segwew lil Nirvana fuq il-mezzi tax-xandir.
Qalbna tmur ukoll mal-pazjenti kollha li qed jikkumbattu mal-marda tal-kanċer u l-familji kollha tagħhom. Kuraġġ!