Marigold Foundation Ikkontribwiet €60,000 Ġħal Ċentru B’Risq Għaqdiet Soċjali

 Marigold Foundation Ikkontribwiet €60,000 Ġħal Ċentru B’Risq Għaqdiet Soċjali

Il-Fondazzjoni Marigold mmexxija mis-Sinjura Michelle Muscat ikkontribwixxiet €60,000 għal The Meeting Place, centru fejn għaqdiet soċjali, edukattivi u tas-saħħa jistgħu jiltaqgħu bħala grupp kif ukoll mal-membri u benefiċċjarji tagħhom.

Dan żvelah il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon bi tweġiba għal sensiela ta’ domandi li qed tagħmel id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg lill-Ministeri kollha.

Fid-domandi tagħha, Buttigieg qed tistaqsi kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra lill-Marigold Foundation u jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support sena b’sena mill-2014 sal-lum.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Minsitru Falzon qal lil Buttigieg l-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu ma ħareġ l-ebda direct order, donazzjoni jew benefikat dirett jew indirett lill-Fondazzjoni Marigold u/jew il-Fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.

Madankollu għarrafha li fl-2017, wara inizjattiva u idea tal-istess Marigold Foundation, il-Ministeru gawda minn fondi Ewropej bil-għan li jinfetaħ The Meeting Place, fejn għaqdiet fis-settur soċjali u edukattivi għandhom post fejn jiltaqgħu.

Spjega li ċ-ċentru għandu l-għan li jservi bħala post għal laqgħat u seminars għal dawn l-għaqdiet, fejn jiġi offrut appoġġ meħtieġ u jkun ukoll post ta’ integrazzjoni. Il-proġett, li twettaq fl-2019, jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru.

Il-Ministru żied jgħid li tant emmnet fil-proġett, li Marigold Foundation ikkontribwiet €60,000 għall-ħolqien tiegħu u kompliet tagħti kontribuzzjonijiet oħrajn.

Min-naħa tagħha meta mistoqsija minn StradaRjali.com, il-Fondazzjoni Marigold ikkonfermat li se tibqa’ kommessa biex tgħin sabiex dan il-post jibqa’ jintuża minn NGOs li m’ għandhomx spazju imma li l-kontribuzzjoni tagħhom lejn is-soċjetà hija kbira. Fil-fatt f’dawn l-aħħar sentejn il-Fondazzjoni kkontribwiet €20,000 oħra f’ donazzjonijiet sabiex The Meeting Place ikun jista’ jopera bl-ahjar mod possibbli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com