“L-Għenba Hija Ħajti…” – Karmenu

 “L-Għenba Hija Ħajti…” – Karmenu

“L-għenba hija ħajti. Ma tistax tagħmel l-inbid jekk ma tafx tieħu ħsieb l-għenba.”

Hekk sostna Karmenu Cortis ma’ The People of Malta f’intervista ħelwa dwar l-imħabba tiegħu lejn l-għeneb u l-inbid.

Spjega kif bħal kull prodott ieħor, l-għeneb trid tieħu ħsiebu biex meta jasal il-waqt, taqtgħu biex imur għat-tagħsir. “Din is-sena bdejna bil-qtugħ tax-Chardonnay u se nispiċċaw bil-Girgentina,” sostna Karmenu.

Irrakkonta kif dan jagħmlu mill-qalb u kif hu flimkien ma’ ħuh Paul bdew kollox madwar 40 sena ilu. Qal kif meta jsiefer, iqatta’ ħinu xorta qalb id-dwieli.

“Illum għandna mal-14,000 dielja. Esperimentajna fuq il-Girgentina u l-Ġellewża li hu l-għeneb indiġenu Malti. L-għenba proprja Maltija. Dan qabel kien ‘bush-like’, jikber fl-art. Imma mbagħad, meta tagħmel ix-xita kien jitħassar. Allura waqqafna l-pilastri u ħdimna fuq sistema moderna biex hekk l-għeneb ma jitħassarx. Barra minn hekk, il-bidwi jkun qed jiffranka ħafna pestiċidi. Il-bidwi tgħallem li biex jimxi ‘l quddiem irid jinvesti f’makkinarju tajjeb. Id-dielja trid tissaqqa bil-kontroll. Trid tieħu ħsiebha l-ħin kollu, tħares lejha u tara xi jkollha bżonn,” saħaq Karmenu.

Temm billi qal li lokalment isiru bejn 2-4 miljun flixkun inbid kull sena u kif hawn f’Malta rridu mmorru għal inbid ta’ kwalitá, mhux tal-massa.

Ritratt: The People of Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com