Min Ser Iċedi s-Siġġu Lil Bernard Grech?

 Min Ser Iċedi s-Siġġu Lil Bernard Grech?

Hekk kif issa hu kkonfermat li l-avukat Bernard Grech ser ikun qiegħed jassumi r-responsabbiltajiet ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, wara vot b’saħħtu mit-tesserati tal-Partit, jibdew il-preparazzjonijiet sabiex Grech jiġi maħtur Kap tal-Oppozizzjoni.

Din ser tkun l-ewwel sfida għal-kamp ta’ Grech hekk kif Deputat Parlamentari Nazzjonalista mill-ġdid ser ikollu iċedi postu għall-Kap ġdid f’din il-leġislatura. Iżda min ser ikun dak li jċedi s-siġġu?

Ivan Bartolo, elett mid-9 distrett elettorali, lura għal Awwissu li għaddu, kien wera l-interess li jkun hu dak li jċedi s-siġġu Parlamentari għal Grech.

Jekk dan iseħħ Bartolo, li jaħdem bħala imprenditur f’kumpanija tat-teknoloġija, ser ikun tniżżel bħala wieħed mill-inqas persuni li qatt dam jokkupa l-kariga ta’ Deputat Parlamentari, hekk kif dan ġie elett fil-Parlament Malti wara li Marthese Portelli ċediet is-siġġu tagħha f’Marzu li għadda.

F’Awwissu li għadda d-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone kien qal mal-ġurnal Malta Independent li hu wkoll lest li jagħti s-siġġu Parlamentari tiegħu lil Bernard Grech.

Sadanittant jidher li xi Deputati, li ġew co-opted minn wara l-aħħar elezzjoni ġenerali wkoll urew l-interess tagħhom li jċedu posthom, għalkemm ħadd fost dawn ma tkellem pubblikament fuq l-intenzjonijiet tiegħu.

Fl-ispirtu ta’ dan kollu jidher li l-persuna li ser iċċedi s-siġġu kien deċiż internament immedjatament meta Grech ħabbar il-kandidatura tiegħu u dan sabiex ikun aċċertat li kollox jimxi bla xkiel, sakemm -il darba Grech jirbaħ din it-tellieqa, kif ġara.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com