AĠĠORNAT – 12,633 Tesserat Jaħtru Lil Bernard Grech Kap

 AĠĠORNAT – 12,633 Tesserat Jaħtru Lil Bernard Grech Kap
AĠĠORNAT 23:20
Bernard Grech jagħmel l-ewwel diskors tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. F’diskors fil-preżenza wkoll ta’ uliedu, hu irringrazzja lil dawk kollha li ivvutaw u taw sehemhom. Fost ir-ringrazzjamenti, Grech irringrazzja lil Delia u tenna li postu hu fil-Partit Nazzjonalista.
Fid-diskors hu qal li dan mhux il-punt tal-wasla, iżda l-punt tat-tluq. Temm id-diskors tiegħu b’dawn il-kelmtejn; “Ejjew magħna, ejjew nagħmlu lill-Partit Nazzjonalista b’saħħtu biex minn għada nibdew naħdmu, nħarsu lejn l-elezzjoni ġenerali, nagħqduħ, inġedduħ u iva flimkien nistgħu nirnexxu u nagħmlu minn dan il-Partit, Gvern alternattiv.
AĠĠORNAT 23:08
Dr. Bernard Grech jixref lejn id-daħla tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Miġgeħma tinsab preżenti sabiex tilqa’ lil Dr. Grech, fost il-persuni preżenti Dr. Peter Fenech, il-President tal-Kummisjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista u Dr. Francis Zammit Dimech is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li bħalissa jinsabu quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-partitarji preżenti bħalissa jinstemgħu jgħajtu “Bernard, Bernard”
AĠĠORNAT 22:59
Il-Kummisjoni elettorali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista tħabbar ir-riżultat uffiċjali ta’ din l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
  • Bernard Grech – 12,633 – 69.3%
  • Adrian Delia – 5,622 – 30.7%

B’kollox f’din l-elezzjoni kien hemm 18,332 tesserat li ipparteċipa f’din l-elezzjoni.  77 vot minn kienu invalidi. B’kollox 21,660 kienu eleġibbli li jivvutaw.

AĠĠORNAT 22:37
Sitwazzjoni ta’ tensjoni quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista hekk kif xi partitarji Nazzjonalisti jidher li daħlu f’argument f’xulxin hekk kif il-Pulizija preżenti fil-Pieta’ intervjeniet sabiex tofroq lil dawk preżenti.
Sadanittant l-avukat Bernard Grech għadu ma wasalx fid-Dar Ċentrali sabiex jagħti l-ewwel intervent tiegħu bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dr. Adrian Delia flimkien ma’ xi persuni oħra li kienu qrib it-tmexxija tiegħu f’dawn l-aħħar xhur telqu mid-Dar Ċentrali.
AĠĠORNAT 21:50
Jaslu ulied l-avukat Grech fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Grech mistenni jasal fil-ħin li ġej.
AĠĠORNAT 21:35
F’konferenza tal-aħbarijiet minn Dr. Adrian Delia fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Delia irringrazzja lill-ammont ta’ tesserati li vvutaw f’din l-elezzjoni. F’diskors kommoventi Delia tenna jgħid “Jien dejjem kont u nibqa’ nemmen fir-rieda tan-nies. Il-partit tagħna għadu ħaj u b’saħħtu.” Fi kliemu, Delia lest li jibqa’ jagħti s-sehem tiegħu fil-Partit Nazzjonalista fi kwalinkwe pożizzjoni jew anke jekk mhux f’xi pożizzjoni.

Wera li jrid ikompli jaħdem fil-partit billi saħaq biex minn issa ssir ħidma biex jissaħħaħ il-partit. Temm billi kiteb: “Jien Adrian Delia, Jien Nazzjonalist, Jien Malti u Jien kburi”
20:11 – Il-ħidma vera tibda issa. Mill-ġdid, grazzi lil kulħadd – Bernard Grech f’messaġġ ta’ ringrazzjament fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook 
“… Ninsab Ċert Li Anke Hu Se Jibqa’ Jagħti Sehemu Għall-Ġid Tal-Partit…” – Dr. Bernard Grech
Fuq facebook tiegħu, Bernard Grech irringrazzja lil dawk kollha li emmnu fih u sostna li llejla “flimkien għamilna l-ewwel pass. Pass biex dan il-Partit verament ngħaqqduh, inġedduh u flimkien – nirnexxu.”
B’referenza għal Adrian Delia, Grech tenna: “Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-kollega Adrian Delia, ninsab ċert anke hu se jibqa’ jagħti sehemu għal-ġid tal-Partit minn issa ‘l quddiem.”
Hu rringrazzjaw wkoll lil familtu u qal li l-ħidma vera tibda issa.
Kif ħabbar u kkonferma dan is-sit, Bernard Grech ġab aktar minn 11,000 vot. Is-sit tal-Partit Nazzjonalista qed jipproġetta Grech li ġab ‘il fuq minn 12,000 vot.
Ritratt: the Malta Independent
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com