“Nofs Triq Mill-14-Il Jum Li Għandi Msakkar… L-Akbar Weġgħa Hu li Jien Il-Bogħod Mill-Maħbubin” – Leighton Grech
Il-plejer ta’ Marsa FC Leighton Grech esprima l-akbar weġgħa tiegħu waqt li qed jagħmel kwarantina. “L-ikbar weġgħa li sibt ta’ dan il-virus hija li trid toqgħod ‘l bogħod mill-maħbubin tiegħek speċjalment minn binti li għada ta’ ftit xhur. Wisq kiefra li ma tistax tbusa u tgħannaqha miegħek”, stqarr Leighton.
Bħalissa wasal nofs triq mill-14 -il jum tal-kwarantina. Spjega wkoll kif sa issa ma kienet faċli sew fejn fl-ewwel 3 ijiem, is-sintomi li jissemmew relatati mal-virus ħarġulu kollha.
Iżda issa beda sejjer għall-aħjar u qed iħossu normali fiżikament. Ħareġ ukoll punt pożittiv mill-pandemija fejn qal li tgħallmek tapprezza kemm hi sabiħa l-ħajja u l-libertà. Mhux inqas; il-familja li hija l-aktar ħaġa importanti u qal li f’mumenti bħal dawn tapprezza kemm int iffurtunat li mdawwar b’nies li jħobbuk.
“Inħares għal-aħħar 7 tijiem b’ottimiżmu biex nerġa’ noħroġ hemm barra u ngawdi l-ħajja!!”, temm jgħid Leighton.
Awguri għal fejqan ta’ malajr Leighton. Ġbidtilna l-attenzjoni għaliex tajt lezzjoni pożittiva wkoll mill-mument li għaddej minnu.